Ferji bejn is-solennità tal-Epifanija u l-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej

It-Tlieta

 

Qari I

Alla hu mħabba.

1 Ġw 4, 7-10

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 71 (72), 2.3-4ab.7-8

 

R/. (ara 11): Lilek iqimu l-ġnus kollha, Mulej

 

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,

il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,

biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,

u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

 

Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu,

tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.

Hu jħares id-dritt tal-imsejknin tal-poplu,

u jsalva l-fqajrin. R/.

 

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,

u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.

Isaltan minn baħar sa baħar,

u mix-Xmara sa truf l-art. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù jkattar il-ħobż u jidher li hu profeta.

Mk 6, 34-44

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, xħin niżel l-art mid-dgħajsa Ġesù ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

 

Meta kien sar il-ħin ġmielu, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu: “Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin. Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu”. Iżda hu weġibhom: “Agħtuhom intom x’jieklu”. Qalulu: “U aħna se mmorru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?”. Imbagħad staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż? Morru araw”. Meta saru jafu, qalulu: “Ħamsa, u żewġ ħutiet”.

 

Imbagħad ordnalhom iqiegħdu lil kulħadd bilqiegħda, ġemgħa ġemgħa, fuq il-ħaxix aħdar. U n-nies inxteħtet fl-art mija mija, u ħamsin ħamsin. Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet, u ta l-kisriet lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies quddiemhom, u qasam ukoll iż-żewġ ħutiet bejniethom ilkoll.

 

U kulħadd kiel u xaba’. U ġabru l-bċejjeċ li fadal mill-ħobż u l-ħut u mlew tnax-il qoffa; u kienu ħamest elef raġel dawk li kielu mill-ħobż!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu