Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Ċekken lilu nnifsu, għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet.

Fil 2, 5-11

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù:

hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir;

sar jixbah lill-bnedmin,

u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu,

billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

u żejnu bl-Isem li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù

– fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art –

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom,

u kull ilsien jistqarr:

“Ġesù Kristu hu l-Mulej,

għall-glorja ta’ Alla l-Missier”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 21 (22), 26b-27.28-30a.31-32

 

R/. (26a): Mulej, nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira

 

Irrodd il-wegħdiet tiegħi

quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem! R/.

 

Jiftakru t-truf kollha tal-art,

u jerġgħu lura lejn il-Mulej;

u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

Għax tal-Mulej hi s-saltna;

hu fuq il-ġnus isaltan.

Lilu jqimu l-bnedmin. R/.

 

Lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,

ixandru l-ġustizzja tiegħu lill-poplu li għad jitwieled:

“Dan għamlu l-Mulej!” R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi, u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela.

Lq 14, 15-24

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, wieħed minn dawk li kienu ma’ Ġesù għall-mejda, meta semgħuh jgħid dan, qallu: “Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla!”. Iżda hu wieġeb: “Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom: “Ejjew, għax ġa lest kollox”. Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu: “Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni”. Ieħor qallu: “Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x’jagħtu; nitolbok tagħdirni”. Ieħor qallu: “Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi”. Il-qaddej raġa’ lura għand sidu u qallu kollox. Is-sinjur, b’korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu: “Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop”. Il-qaddej imbagħad qallu: “Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa’”. Qal is-sid lill-qaddej: “Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi, u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela.Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu