Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

L-Evanġelju mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.

Gal 1, 6-12

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

 

Ħuti, jiena nistagħġeb bikom kif daqshekk malajr tbegħedtu minn min sejħilkom fil-grazzja ta’ Kristu u dortu lejn Evanġelju ieħor; mhux għax hemm xi Evanġelju ieħor, imma hemm xi wħud li qegħdin iħawdukom u jridu jaqilbu l-Evanġelju ta’ Kristu. Imma mqar jekk aħna stess jew anġlu mis-sema jħabbrilkom Evanġelju ieħor li mhuwiex dak li ħabbarnielkom aħna, ikun misħut! Bħalma ġa għednielkom, u ntenni ngħidilkom issa; jekk xi ħadd iħabbrilkom ħaġa oħra għajr dak li ġa rċevejtu, ikun misħut! Forsi jien qed infittex li jkunu jġibuni l-bnedmin, jew qed infittex li jkun iġibni Alla? Qiegħed jiena nfittex li nogħġob lill-bnedmin? Li kont għadni nfittex li nogħġob lill-bnedmin, ma kontx inkun qaddej ta’ Kristu!

 

Dan ngħarrafkom, ħuti: l-Evanġelju li ħabbartilkom jien mhuwiex Evanġelju tal-bnedmin. Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 110 (111), 1-2.7-8.9 u 10ċ

 

R/. (5b): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

 

Irrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,

fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej;

ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom. R/.

 

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh;

ta’ min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,

imwettqa għal dejjem ta’ dejjem,

magħmula bis-sewwa u bid-dritt. R/.

 

Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu,

waqqaf għal dejjem il-patt tiegħu.

Qaddis u tal-biża’ hu ismu!

Għal dejjem jibqa’ t-tifħir tiegħu! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 13, 34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:

bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-proxxmu tiegħi min hu?

Lq 10, 25-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”. Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt, agħmel hekk u tgħix”.

 

Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu