Is-Sebgħa
u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari I
Isiru ġisem wieħed.
Ġen 2:18-24
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Il-Mulej Alla qal: “Mhux sewwa
li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih”. U l-Mulej Alla sawwar
mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru, u ġiebhom
quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom;
u skont ma jkun il-bniedem semma lil kull
ħliqa ħajja, dak ikun isimha. U l-bniedem ta isem lil kull bhima
u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem
ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih.
U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa tqila fuq il-bniedem;
u dan raqad. U ħadlu waħda
minn kustiljih
u flokha mlieh bil-laħam. U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja, li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem.
Imbagħad il-bniedem qal:
“Din id-darba din hi għadma
minn għadmi,
u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara,
għax mir-raġel ittieħdet
hi”.
Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru
ġisem wieħed.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 127(128):1-2,3,4-5,6
R/. (ara 5): Iberikna l-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajjitna.
Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ jdejk
inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.
Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.
Ara kif ikun imbierek
il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn
Sijon! R/.
Jalla tara l-ġid
ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha!
Jalla tara wlied
uliedek!
Sliem għal Iżrael! R/.
Qari II
Kemm dak li jqaddes, u kemm dawk li jiġu
mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed.
Lhud 2:9-11
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Ħuti, lil dak li għal
ftit taż-żmien kien imniżżel ftit inqas mill-anġli, lil
Ġesù, aħna issa qegħdin narawh imżejjen fil-glorja u l-ġieħ minħabba fil-mewt li hu bata,
biex, għall-grazzja
ta’ Alla, il-mewt li daq tkun għall-ġid ta’ kulħadd.
Għax kien jixraq li Alla, li għalih u bih sar kollox, waqt li jwassal ħafna wlied għall-glorja, jagħmel
li l-Awtur tas-salvazzjoni tagħhom ikun perfett bis-saħħa tas-sofferenzi.
Għax kemm dak li jqaddes,
u kemm dawk li jiġu mqaddsin, ilkoll huma mill-istess wieħed. U għalhekk Ġesù ma jistħix isejħilhom ħutu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Ġw 4:12
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Lil Alla għadu ħadd ma rah,
imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar
fina,
u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Dak li għaqqad Alla,
ma għandux jifirdu
l-bniedem.
Mk 10:2-16
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel
jistax jitlaq lil martu. Weġibhom
u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu:
“Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom
kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.
Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.
Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan,
u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ
oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq
lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.
Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla
u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx,
għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom,
li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad
ħaddanhom miegħu
u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.
Jew il-forma
l-qasira
Evanġelju
Dak li għaqqad Alla,
ma għandux jifirdu
l-bniedem.
Mk 10:2-12
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel
jistax jitlaq lil martu. Weġibhom
u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu:
“Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom
kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara.
Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.
Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan,
u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ
oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq
lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.