It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Aħna bil-ġuħ u bil-għatx, bilkemm imlibbsa.

1 Kor 4, 6b-15

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, minni u minn Apollo intom titgħallmu x’jiġifieri: “Mhux iktar milli hemm miktub”, ħalli ħadd minnkom ma jintefaħ b’wieħed kontra l-ieħor. Int, min hu li għażlek? X’għandek li ma ngħatalikx? U jekk ingħatalek, l-għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn? Intom ġa mxebbgħin! Intom ġa stagħnejtu! Issaltnu mingħajrna! Jalla ssaltnu ħa nsaltnu aħna wkoll magħkom. Jien naħseb li lilna l-appostli Alla xeħitna għall-aħħar wara kulħadd bħallikieku telaqna għall-mewt; għax sirna spettaklu għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin.

 

Aħna boloh minħabba fi Kristu, intom għaqlin fi Kristu; aħna dgħajfa, u intom qawwija; intom nies tal-ġieħ, aħna bla ġieħ. Sa issa stess aħna bil-ġuħ u bil-għatx, bilkemm imlibbsa; imsawta u bla dar; ninkeddu u naħdmu b’idejna stess. Iżebilħuna, u nbierku; jaħqruna, u nistabru; jgħidu fuqna, u nwieġbu bil-ħlewwa. Sirna qisna l-knis tad-dinja, ir-rimi ta’ kulħadd sal-lum.

 

M’iniex nikteb dan biex inħammrilkom wiċċkom, imma biex inwiddibkom, bħal uliedi għeżież. Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, ma għandkomx ħafna missirijiet; għax jiena hu li, bl-Evanġelju, nissiltkom fi Kristu Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 17-18.19-20.21

 

R/. (18a): Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu

 

Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,

lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.

 

Jaqtgħalhom xewqthomil dawk li jibżgħu minnu,

jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom.

Iħares il-Mulej lil ħbiebu kollha,

imma lill-ħżiena jeqridhom. R/.

 

Tifħir il-Mulej ixandar fommi;

u jbierek kulħadd l-isem qaddis tiegħu

għal dejjem ta’ dejjem! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?

Lq 6, 1-5

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Ġara li darba s-Sibt Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b’idejhom u jikluh. Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: “Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”. Qabeż Ġesù u weġibhom: “Anqas dan ma qrajtu, x’għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu? Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu, u madankollu ħadd ma kien jista’ jiekol minnu ħlief il-qassisin biss?”. U qalilhom: “Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu