It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Mosè hu l-bniedem li fdajtlu dari. Kif, mela, ma bżajtux titkellmu kontra tiegħu?

Num 12, 1-13

 

Qari mill-Ktieb tan-Numri

 

F’dak iż-żmien, Mirjam u Aron gergru kontra Mosè minħabba l-mara minn Kus, għax kien ħa b’martu waħda minn Kus. U huma qalu: “Jaqaw il-Mulej lil Mosè biss kellem? Ma kellimx lilna wkoll?”. U l-Mulej semagħhom. Mosè kien bniedem umli, l-aktar umli fost ilbnedmin li hawn fuq wiċċ l-art.

 

U l-Mulej minnufih qal lil Mosè, lil Aron u lil Mirjam: “Oħorġu t-tlieta li intom lejn it-tinda tal-laqgħa”. U ħarġu t-tlieta li kienu. U niżel il-Mulej fil-kolonna tas-sħab, u qagħad fil-bieb tat-tinda u sejjaħ lil Aron u lil Mirjam, u resqu t-tnejn, u qalilhom:

Isimgħu kliemi:

Jekk xi ħadd minnkom ikun profeta,

jiena l-Mulej nidhirlu f’viżjoni,

u nkellmu fil-ħolm.

Mhux hekk ma’ Mosè il-qaddej tiegħi,

il-bniedem li fdajtlu dari.

Jien inkellmu wiċċ imb wiċċ;

inkellmu mhux bix-xbihat imma bid-dieher;

u jara s-sura tal-Mulej.

Kif, mela, ma bżajtux titkellmu kontra Mosè, il-qaddej tiegħi?”

 

U l-Mulej xegħel bil-qilla għalihom, u telaq. Kienet għadha anqas biss telgħet is-sħaba minn fuq it-tinda, meta Mirjam inksiet bil-ġdiem, bajda bħas-silġ. Aron ħares lejn Mirjam, u raha kollha ġdiem.

 

U Aron qal lil Mosè: “Nitolbok, ja sidi, la tħalliniex nitgħabbew bil-piż tad-dnub, li aħna tbellahna biex għamilna. Tħallihiex qisha xi ħaġa mwielda mejta minn ġuf ommha, b’ġisimha nofsu mittiekel”.

 

U Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “O Alla nitolbok, fejjaqha!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 3-4.5-6a.6bċ-7.12-13

 

R/. (ara 3a): Mulej, ħassar ħtijietna għaliex dnibna

 

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;

fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.

Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;

naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

 

Għax jien nagħrafhom ħtijieti;

id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.

Kontrik biss jiena dnibt,

u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. R/.

 

Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek,

u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.

Ara, jiena ssawwart fil-ħtija,

u fid-dnub nisslitni ommi. R/.

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 1, 49b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Rabbi, int l-Iben ta’ Alla,

inti s-sultan ta’ Iżrael!

R/. Hallelujah

 

Jew meta taħbat is-sena A

 

ara Atti 16, 14b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iftħilna qalbna Mulej,

biex nifhmu dak li jgħidilna Ibnek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

Mt 14, 22-36

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Wara li l-folla kielet, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, telawaħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.

 

Id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-rabasahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”.

 

Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja!”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu, qabdu, u qallu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”.

 

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.

 

Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret. In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Jew meta taħbat is-sena A

 

Evanġelju

Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’.

Mt 15, 1-2.10-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, xi Fariżej u kittieba minn Ġerusalemm resqu fuq Ġesù u qalulu: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek jiksru t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna? Għax huma ma jaħslux idejhom qabel ma jieklu!”.

 

Imbagħad sejjaħ lill-folla lejh u qalilhom: “Isimgħuni u ifhmuni! Mhux dak li jidħol mill-fomm itebbalill-bniedem, imma dak li joħroġ mill-fomm, dan hu li jtebbalill-bniedem!”.

 

Resqu lejh imbagħad id-dixxipli u qalulu: “Taf li l-Fariżej skandalizzaw ruħhom meta semgħu din il-kelma?”. Iżda hu weġibhom: “Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’ mill-għeruq. Ħalluhom: dawk għomja mexxejja tal-għomja; jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu