3 ta’ Lulju
San Tumas, Appostlu
Festa
Qari I
Ef 2: 19-22
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lill-Efesin
Ħuti: Ma għadkomx aktar barranin u għorba, imma intom
ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq
is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu Ġesù hu l-ġebla
tax-xewka. Fih il-bini kollu, marbut sewwa, jitla’ f’tempju qaddis il-Mulej;
fih, intom ukoll, fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
116
R/. Morru
fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-tajba!
Faħħru l-Mulej, ġnus kollha,
sebbħuh, popli kollha. R/.
Għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina,
il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. R/.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
ara Ġw 20:29
R/. Hallelujah
Emmint, Tumas,
għax rajtni, jgħid il-Mulej;
henjin dawk li
ma rawx u emmnu.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġw 20:24-29
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Wieħed mit-Tnax, Tumas, imlaqqam it-Tewmi, ma kienx magħhom
meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna
l-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer,
jekk ma nqegħidx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq
ġenbu, jiena ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu
kienu ġewwa u Tumas kien magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma
Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Il-paċi
magħkom”! Imbagħad qal lil Tumas: “Newwel sebgħek ’l hawn u ara
jdejja, u ġib idek u qegħidha fuq ġenbi: qis li ma tonqosx fik
il-fidi, iżda emmen”. Wieġbu Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla
tiegħi”! Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx
u emmnu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.