Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
Agħmel ħniena
miegħi u magħha ħa nixjieħu flimkien.
Tob 6, 10-11; 7, 1.9-17; 8, 4-9a
Qari mill-Ktieb ta’ Tobit
F’dak
iż-żmien, daħlu
l-Medja u kienu qrib Ekbatana, meta
Rafel
qal
liż-żagħżugħ: “Ħija Tobija!” “Hawn jien”, wieġbu. Qallu Rafel: “Jenħtieġ
li l-lejl ngħadduh għand Ragħwel, qarib tiegħek li għandu
bintu
jisimha Sara”.
Kif
daħlu f’Ekbatana, Tobija qal lil
sieħbu: “Ħija Għażarija, ħudni dritt
għand qaribna Ragħwel”. U ħadu għand Ragħwel, u sabuh bilqiegħda
fil-bieb tal-bitħa, u sellmulu huma l-ewwel, u hu qalilhom: “Sliem
sħiħ għalikom,
ħuti, wasaltu sewwa, qawwijin u sħaħ!”. Meta nħaslu
u ndafu u qagħdu għall-mejda, Tobija qal lil Rafel: “Ħija
Għażarija, għid
lil Ragħwel jagħtini b’marti lil kuġinti Sara”.
Ragħwel
sama’ dan il-kliem u qallu: “Kul u ixrob u għaddi l-lejl kuntent. M’hawnx bniedem ħliefek li għandu d-dritt li jieħu ’l Sara binti,
għażiż ħija;
lanqas jien ma nista’ nagħtiha
lil ħaddieħor ħlief
lilek,
għax int l-eqreb lejja. Imma
nħoss li għandi ngħidlek is-sewwa, ibni;
diġà tajtha lil sebat irġiel
oħra minn
ħutna, u kollha mietu dak il-lejl
stess li resqu lejha. U issa, ibni, kul u ixrob,
u jagħmel il-Mulej”.
Wieġeb
Tobija: “Ma niekol u ma nixrob xejn hawn
ġew qabel ma tkun
irranġajt din l-affari
tiegħi”. U Ragħwel
wieġbu: “Hekk nagħmel:
nagħtiha lilek skont il-liġi tal-Ktieb ta’ Mosè; is-sema stess qatagħha
li nagħtiha lilek. Ħu lil oħtok.
Minn issa ’l quddiem int ħuha
u hi oħtok. Tiegħek
hi mil-lum ’il
quddiem għal dejjem. U Sid is-sema jagħtikom ir-riżq il-lejla, ibni. Iħenn għalikom u jagħtikom is-sliem”.
Ragħwel
sejjaħ lil bintu Sara, u meta ġiet, ħadilha idha u taha lil Tobija,
u qallu: “Ħudha kif għandi nagħtihielek b’martek skont il-liġi u l-ordni li hemm miktuba
fil-Ktieb ta’ Mosè. Żommha għalik, u ħudha
għand missierek qawwija u sħiħa. Alla tas-smewwiet iwassalkom
bis-sliema”. U sejjaħ lil ommha, u qalilha
biex iġġib karta,
u kiteb il-kitba taż-żwieġ, u hekk tahielu b’martu, skont l-ordni tal-Liġi
ta’ Mosè. U minn
dak il-ħin bdew jieklu u jixorbu.
Ragħwel
sejjaħ lil martu Għedna, u qalilha: “Oħti, lesti l-kamra l-oħra
tar-rqad, u daħħal
fiha lil Sara”. Għedna marret u lestiet
il-kamra
kif qalilha, u daħħlet lil Sara fiha bid-dmugħ f’għajnejha minħabba
fiha. Imbagħad ixxuttat id-dmugħ u qaltilha: “Agħmel il-qalb
binti, Sid is-smewwiet jagħtik ir-riżq wara dan l-għali
kollu
tiegħek.
Qawwi qalbek, binti”. U ħarġet minn hemm.
Meta l-oħrajn ħarġu u għalqu l-bieb tal-kamra, Tobija qam mill-friex
u qalilha: “Oħti, qum! Ħa nishru
u nitolbu quddiem Sidna,
li jagħmel ħniena
magħna u jsalvana”.
Sara qamet u bdew jitolbu
bil-ħniena s-salvazzjoni
u jgħidu: “Imbierek
int, o Alla ta’ missirijietna,
u mbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem! Iberkuk issmewwiet
u l-ħolqien kollu għal dejjem ta’ dejjem. Int għamilt lil Adam,
u tajtu b’martu lil Eva bħala għajnuna u appoġġ,
u minnhom it-tnejn tnisslu l-bnedmin. U int għedt: “Mhux sewwa li r-raġel jibqa’ waħdu,
ħa nagħmlu għajnuna li tkun tixbhu”. U issa jien lil din oħti ma żżewwiġthiex
għall-passjoni tal-ġisem,
imma fis-sewwa. Agħmel
ħniena
miegħi u magħha ħa nixjieħu flimkien”. U qalu flimkien
it-tnejn: “Ammen, Ammen!”. U dak
il-lejl raqdu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 127 (128), 1-2.3.4-5
R/. (ara
1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej
Hieni
kull min jibża’ mill-Mulej,
kull
min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;
hieni
int, u riżqek tajjeb! R/.
Martek
tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen
ta’ darek;
uliedek
bħal xitel taż-żebbuġ
madwar
il-mejda tiegħek. R/.
Ara,
kif ikun imbierek
il-bniedem
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek
il-Mulej minn
Sijon!
Jalla
tara l-ġid
ta’ Ġerusalemm
tul
ħajtek kollha! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ara 2 Tim 1, 10
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Salvatur tagħna Kristu Ġesù qered il-mewt
u
dawwal il-ħajja permezz tal-Evanġelju.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ma hemmx kmandament ieħor akbar
minn dawn.
Mk 12, 28b-34
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, wieħed
mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh:
“Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù
wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael;
il-Mulej, Alla
tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa
tiegħek kollha. U t-tieni hu dan:
Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
Ma hemmx kmandament ieħor akbar
minn dawn”.
Qallu
l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun
tgħid
li wieħed hemm, u li
ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu
b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u
tħobb
lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq
u mis-sagrifiċċji kollha”.
Ġesù,
meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod
mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu