3 ta’ Mejju
San Filippu u San Ġakbu, Appostli
Festa
Qari I
1Kor 15:1-8
Qari Ewwel Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lill-Korintin
Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li ħabbartilkom, li
intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ. Bih intom
salvati, bil-kelma li jien ħabbartilkom, jekk qegħdin
iżżommuha u jekk l-fidi tagħkom ma kinitx għalxejn. Qabel
xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li
Kristu miet minħabba fi dnubietna, skont l-Iskrittura; difnuh, u qam
mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura. U deher lil Kefa, imbagħad
lit-Tnax.
Deher imbagħad lil aktar minn ħames mitt aħwa dixxipli
flimkien. Ħafna minnhom għadhom ħajjin sal-lum; xi wħud
minnhom raqdu.
Deher imbagħad lil Ġakbu, u wara lill-appostli kollha.
Fl-aħħar deher lili wkoll, wara kulħadd, qisni twelidt barra
ż-żmien.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
18, 2-5
R/. Mal-art
kollha jasal leħinhom!
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah!
Is-smewwiet
ixandru l-glorja ta’ Alla,
għemil
idejh tħabbar il-firxa tas-sema.
Jum
lill-ieħor jagħti l-aħbar.
Lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif. R/.
Ma hemmx
aħbar u anqas kliem,
ma hemmx
leħen li ma jinstemax.
Mal-art
kollha jasal leħinhom,
mad-dinja
kollha jinxtered kliemhom. R/.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
Ġw 14: 6b,9ċ
R/. Hallelujah
Il-Mulej
jgħid: Jiena hu t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja;
Filippu,
min ra lili ra lill-Missier ukoll.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġw 14: 6-14
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lil Tumas: “Jiena hu t-Triq,
is-Sewwa u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux
bija. Kieku għaraftu lili, kontu tagħarfu wkoll ’il Missieri. Minn
issa ’l quddiem tagħarfuh u rajtuh.”
Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed
għalina.” Ġesù wieġbu: “Ili daqshekk magħkom, u int,
Filippu, għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier ukoll. Kif
tasal int li tgħid. ‘Urini l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u
l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn rajja,
iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed iwettaq l-għemil.
Emmnuni! Jien fil-Missier u l-Missier fija. Jekk mhux għal
ħaġ’oħra, emmnu minħabba fl-għemil stess. Fis-sewwa
fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel
l-għemil li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnu għad
jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier. U jekk titolbu xi
ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun imsebbaħ
f’Ibnu. Iva, jekk titolbu xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.