Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

 

Qari I

Alla lil Ġesù għamlu Mulej u Kristu.

Atti 2, 14a.36-41

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: Ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija”.

 

Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”. U Pietru weġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejħilhom”.

 

U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin”. Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dakinhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 22 (23), 1-3a. 3b-4. 5. 6.

 

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi:

xejn ma jonqosni

Jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi:

xejn ma jonqosni.

F’mergħat kollha ħdura jqegħedni,

ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.

Hemm hu jrejjaqni. R/.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni. R/.

 

Inti tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! R/.

 

Qari II

Intom erġajtu lura għand ir-ragħaj u l-għassies ta’ ruħkom.

1 Piet 2, 20b-25

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, jekk tagħmlu t-tajjeb

u ssofru t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla.

Għal dan intom kontu msejħa,

għax Kristu wkoll bata għalikom

u ħallielkom eżempju,

biex timxu fuq il-passi tiegħu:

hu li ma kien għamel ebda dnub,

u ebda qerq ma nstab f’fommu,

meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir,

meta bata ma heddidx

imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust.

Hu tgħabba bi dnubietna

sa fuq is-salib,

biex aħna mmutu għad-dnubiet,

u ngħixu għall-ġustizzja.

Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.

Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa,

imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj

u l-għassies ta’ ruħkom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;

jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,

u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-bieb tan-nagħaġ huwa jien.

Ġw 10, 1-10

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.

 

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

 

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu