L-Għid
il-Kbir tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet
Solennità - Il-Velja fil-Lejl
Qaddis tal-Għid
Qari I
Alla ħares
lejn kulma għamel u ra li kollox kien sew ħafna.
Ġen 1, 1 - 2, 2
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Fil-bidu
Alla ħalaq is-sema u l-art: u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam
kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla. U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl”. U d-dawl sar. U ra Alla
d-dawl li kien tajjeb. U Alla
fired id-dawl mid-dlam. U
d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu
lejl. U dalam u sebaħ – L-ewwel jum.
U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda
f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma”.
U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar.
U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ
– It-tieni jum.
U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif”.
U hekk sar. U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha
baħar. U Alla ra li kollox kien
tajjeb. U qal Alla: “Ħa tnibbet
l-art il-ħaxix, ħaxix
li jagħmel iż-żerriegħa,
siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa
ġo fih skont għamliethom, fuq l-art”. U hekk sar. U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar
jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien
tajjeb. U dalam u sebaħ – It-tielet jum.
U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet
fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum
mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem
u tas-snin. U jkun
hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art”. U hekk
sar. U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira
biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb.
U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb.
U dalam u sebaħ – Ir-raba’ jum.
U qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin u jittajru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa
tas-smewwiet”. U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li
jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skont ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ
skont ġenshom. U ra Alla li kien
tajjeb. U berikhom Alla u qalilhom: “Welldu u oktru, u imlew l-ilma tal-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art”. U dalam u sebaħ – Il-ħames jum.
U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skont ġenshom”. U hekk sar. U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u l-bhejjem
tad-dar skont ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skont ġenshom.
U ra Alla li kien tajjeb. U qal
Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna, u jaħkmu fuq
il-ħut tal-baħar
u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art”. U Alla
ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu: raġel u mara ħalaqhom.
U berikhom
Alla u qalilhom:
“Nisslu
u oktru,
u imlew
l-art, u aħkmuha;
u saltnu
fuq il-ħut tal-baħar
u t-tajr
tal-ajru
u l-ħlejjaq
kollha li jitkaxkru fuq l-art”.
U qal Alla: “Araw, jien
tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar
kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa:
dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom.
U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja,
nagħtihom il-ħaxix
kollu aħdar għall-għajxien tagħhom”.
U hekk sar. U ħares Alla lejn kulma kien
għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.
U dalam u sebaħ – Is-sitt jum.
U hekk tlestew is-sema u l-art bit-tagħmir kollu tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm ix-xogħol
tiegħu kollu li kien għamel, u waqaf
fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Jew il-forma l-qasira
Qari I
Alla ħares
lejn kulma għamel u ra li kollox kien sew ħafna.
Ġen 1, 1.26-31a
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Fil-bidu
Alla ħalaq is-sema u l-art. U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq
is-sura u x-xbieha tagħna,
u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art”.
U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu,
fuq xbihat Alla ħalqu,
raġel u mara ħalaqhom.
U berikhom
Alla u qalilhom:
“Nisslu
u oktru,
u imlew
l-art, u aħkmuha;
u saltnu
fuq il-ħut tal-baħar
u t-tajr
tal-ajru
u l-ħlejjaq
kollha li jitkaxkru fuq l-art”.
U qal Alla: “Araw, jien
tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar
kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa:
dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom.
U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja,
nagħtihom il-ħaxix
kollu aħdar għall-għajxien tagħhom”. U hekk
sar. U ħares Alla lejn kulma
kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 103 (104),
1-2a.5-6.10.12.13-14.24.35ċ
R/. (ara
30): Ġedded il-wiċċ
tal-art, Mulej
Bierek ruħ tiegħi,
il-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi,
inti kbir bil-bosta!
Bis-sebħ
u bil-ġmiel inti mlibbes,
bid-dawl,
bħal b’mantell, inti mkebbeb. R/.
Int waqqaft
l-art fuq is-sisien tagħha,
b’mod li qatt ma titħarrek;
bl-ibħra,
bħal b’libsa, inti ksejtha;
u l-ilmijiet
waqfu fuq qċaċet l-għoljiet.
R/.
L-għejun
tiftħilhom għal ġol-widien,
u huma jiġru
qalb l-għoljiet.
Ħdejhom jgħammru l-għasafar
tal-ajru,
minn qalb il-friegħi
jsemmgħu l-għana tagħhom. R/.
Inti ssaqqi
l-muntanji mill-imħażen
għolja tiegħek,
u tixba’
l-art bil-frott ta’ għemilek.
Inti tnibbet
il-ħdura għall-bhejjem,
u l-ħxejjex
li bihom jinqeda l-bniedem. R/.
Kemm huma kotrana l-għemejjel
tiegħek, Mulej!
Kollha bl-għerf għamilthom;
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.
Bierek, ruħ tiegħi,
il-Mulej. R/.
Jew
Salm Responsorjali
Salm 32 (33),
4-5.6-7.12-13.20.22
R/. (5b): Bit-tjieba
tal-Mulej mimlija l-art
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb
id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba
tal-Mulej mimlija l-art.
R/.
Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs
fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Bħal f’ġarra l-ilmijiet
ġabar,
u l-ibħra
l-kbar fi mħażen. R/.
Hieni l-ġens li l-Mulej
hu Alla tiegħu,
il-poplu
li hu għażel b’wirtu.
Mill-għoli
tas-smewwiet iħares
il-Mulej,
u jara
l-bnedmin kollha. R/.
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna
u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik
hi t-tama tagħna. R/.
Qari II
Is-sagrifiċċju
ta’ missierna Abraham.
Ġen 22,1-18
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Alla
ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”. U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U Abraham bakkar mas-sebħ, xedd il-ħmar tiegħu, ħa tnejn mill-qaddejja tiegħu,
u lil Iżakk. Qatta’ l-ħatab għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u qam, u telaq lejn
il-post li qallu bih Alla. Fit-tielet jum Abraham rafa’
għajnejh, u lemaħ
il-post mill-bogħod. U Abraham qal lill-qaddejja tiegħu: “Oqogħdu hawn bil-ħmar, u jien u ż-żagħżugħ immorru sa hemm,
u nagħtu qima u nerġgħu lura ħdejkom”. U Abraham qabad il-ħatab għas-sagrifiċċju, għabbieh
fuq Iżakk ibnu, ħa f’idejh in-nar u s-sikkina, u telqu t-tnejn flimkien. U Iżakk
qal lil Abraham missieru: “Missier!” Dak wieġbu: “Hawn jien, ibni”. U Iżakk
qallu: “Hawn huma n-nar u
l-ħatab, fejn hu l-ħaruf
għas-sagrifiċċju tal-ħruq?”. U Abraham wieġbu: “Alla
jaħseb hu għall-ħaruf
għas-sagrifiċċju, ibni”.
U baqgħu sejrin it-tnejn flimkien.
U waslu
fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex
il-ħatab fuqu, u rabat
lil ibnu Iżakk u qiegħdu fuq l-artal, fuq il-ħatab.
U Abraham medd idu u qabad is-sikkina biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu
l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham, Abraham!”. U dan wieġbu: “Hawn jien”.
U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ u tagħmillu ebda ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix
minn ibnek il-waħdieni”.
U Abraham rafa’
għajnejh, ta ħarsa
madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham
mar u qabad il-muntun, u offrieh
b’sagrifiċċju tal-ħruq
minflok ibnu. U Abraham semma dak il-post: “Jaħweh-jire
– jiġifieri – il-Mulej jipprovdi”, kif għadu jingħad sal-lum: “Fuq il-muntanja Jaħweh-jire, il-Mulej
jipprovdi”.
U għat-tieni
darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu:
“Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt
ħaġa bħal
din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni,
jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema
u bħar-ramel f’xatt il-baħar; u nislek għad jiret il-bibien tal-għedewwa
tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art
talli smajt minn kelmti”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Jew il-forma l-qasira
Qari II
Is-sagrifiċċju
ta’ missierna Abraham.
Ġen 22, 1-2.9a.10-13.15-18
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Alla
ried iġarrab lil Abraham u qallu: “Abraham!”. U hu wieġbu: “Hawn jien!”. U qallu: “Aqbad lil ibnek il-waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-ħruq fuq waħda mill-għoljiet li jien se ngħidlek”. U waslu
fil-post li kien semmielu Alla; u hemm Abraham bena l-artal u firex il-ħatab
fuqu. U Abraham medd idu u qabad is-sikkina
biex joqtol lil ibnu. U sejjaħlu
l-anġlu tal-Mulej mis-smewwiet u qallu: “Abraham,
Abraham!” U dan wieġbu: “Hawn jien”. U qallu: “La tmiddx idek fuq iż-żagħżugħ
u tagħmillu ebda
ħsara; għax issa naf li inti tibża’ minn Alla, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni”.
U Abraham rafa’
għajnejh, ta ħarsa
madwaru, u ra muntun warajh maqbud minn qrunu fil-friegħi. U Abraham
mar u qabad il-muntun, u offrieh
b’sagrifiċċju tal-ħruq
minflok ibnu. U għat-tieni
darba l-anġlu tal-Mulej sejjaħ lil Abraham mis-smewwiet u qallu:
“Naħlef fuq ruħi – oraklu tal-Mulej – la darba int għamilt
ħaġa bħal
din, u ma ċaħħadtnix minn ibnek il-waħdieni,
jien inbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-kwiekeb tas-sema
u bħar-ramel f’xatt
il-baħar; u nislek għad jiret il-bibien tal-għedewwa
tiegħu. U jitbierku b’nislek il-ġnus kollha tal-art
talli smajt minn kelmti”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 15 (16), 5.8.9-10.11
R/. (1): Ħarisni,
o Alla, għax fik jien nistkenn
Mulej, inti s-sehem tal-wirt
u r-riżq tiegħi,
inti żżomm
f’idejk xortija.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.
Hekk tifraħ qalbi u
tithenna ruħi,
u ġismi
wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix
il-maħbub tiegħek
jara l-qabar. R/.
Int tgħallimni
t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ
quddiemek,
hemm l-għaxqa għal
dejjem f’lemintek. R/.
Qari III
Ulied Iżrael
daħlu fl-inxief f’nofs il-baħar.
Eż 14, 15 - 15,1
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, il-Mulej
qal lil Mosè:
“Għax issejjaħ lili? Għid lil ulied Iżrael jerfgħu
t-tined tagħhom u jitilqu.
U int għolli l-ħatar tiegħek, u midd idek fuq
il-baħar u oforqu. Ulied Iżrael, imbagħad, jaqsmu fin-niexef f’nofs
il-baħar. U ara, jiena nwebbes il-qalb tal-Eġizzjani biex jgħaddu warajkom, u nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu
kollu, bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. U mbagħad
ikunu jafu l-Eġizzjani li jiena l-Mulej, meta nuri l-glorja tiegħi permezz tal-Fargħun,
bil-karrijiet u r-rikkieba tiegħu”.
U mbagħad
l-anġlu ta’ Alla, li kien miexi quddiem
it-tined ta’ Iżrael, telaq u mar warajhom,
u l-kolonna ta’ sħab minn quddiemhom marret qagħdet
warajhom, u ġiet bejn it-tined tal-Eġizzjani
u t-tined ta’ Iżrael. Kien
hemm is-sħaba u d-dlam, u għadda l-lejl bla ma ħadd minnhom
seta’ jersaq wieħed lejn l-ieħor. Mosè medd idu fuq il-baħar,
u l-Mulej reġġa’ lura l-baħar b’riħ qawwi mil-Lvant matul il-lejl kollu; il-baħar ixxotta u l-ilmijiet inferqu. U mbagħad ulied
Iżrael daħlu fin-niexef f’nofs il-baħar; l-ilmijiet kienu għalihom qishom ħitan fuq il-lemin u fuq ix-xellug.
L-Eġizzjani
marru warajhom, u daħlu f’nofs il-baħar, iż-żwiemel kollha tal-Fargħun,
il-karrijiet u r-rikkieba tiegħu. Fis-sahra ta’ filgħodu, il-Mulej
minn ġol-kolonna tan-nar u s-sħaba xeħet ħarsa
fuq it-tined tal-Eġizzjani,
u ħarbathom. U xekkel ir-roti tagħhom u bit-tbatija setgħu
jmexxuhom. U mbagħad
l-Eġizzjani bdew jgħajtu: “Ħa
naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled
kontra l-Eġizzjani!”.
Il-Mulej
qal lil Mosè:
“Midd idek fuq il-baħar, u l-ilma jerġa’ lura fuq l-Eġizzjani, bil-karrijiet
u r-rikkieba tagħhom”.
U Mosè medd idu fuq il-baħar. U ma’ sbiħ il-jum il-baħar raġa’ lura fejn kien qabel, u l-Eġizzjani, huma u jaħarbu,
sabu ruħhom fih. Hekk il-Mulej gerbibhom f’nofs
l-ilma. L-ilmijiet reġgħu lura u għarrqu l-karrijiet u r-rikkieba tal-eżerċtu kollu tal-Fargħun li kienu ġejjin warajhom fil-baħar. Anqas
wieħed ma baqa’ minnhom. U wlied Iżrael għaddew fin-niexef f’nofs
il-baħar, u l-ilmijiet
kienu għalihom bħal ħitan
wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.
Dakinhar il-Mulej salva lil Iżrael minn id l-Eġizzjani, u Iżrael ra l-Eġizzjani
mejta fuq xatt il-baħar. Ra Iżrael kulma għamel il-Mulej lill-Eġizzjani bil-qawwa
ta’ driegħu. U beża’
l-poplu mill-Mulej, u emmen fil-Mulej
u f’Mosè, il-qaddej tiegħu.
Imbagħad Mosè, flimkien ma’ wlied Iżrael, għanna din l-għanja lill-Mulej, u qalu:
Salm Responsorjali
Eż 15, 1-2.3-4.5-6.17-18
R/. (1a): Ngħanni
lill-Mulej għax tkabbar bis-sħiħ
“Ngħanni lill-Mulej, għax
tkabbar bis-sħiħ.
Żwiemel u rikkieba waddabhom
fil-baħar.
Qawwieti u għanjieti l-Mulej:
għalija sar is-salvazzjoni.
Dan hu Alla
tiegħi, u lilu nfaħħar;
Alla ta’ missieri, u lilu
ngħolli! R/.
Il-Mulej
gwerrier, Jaħweh ismu!
L-imriekeb
tal-Fargħun u qawwietu
tefagħhom fil-baħar;
l-aħjar
fost il-gwerriera tiegħu
f’Baħar il-Qasab għarraqhom! R/.
Belagħhom l-irdum,
bħal ġebla niżlu
fil-qiegħ.
Lemintek, Mulej, issebbħet
fil-qawwa,
lemintek, Mulej, tfarrak il-għadu. R/.
Lill-poplu tiegħek int twasslu
u tħawlu
fuq il-muntanja, il-wirt
tiegħek,
l-imkien,
Mulej, li int għamiltu
għamartek;
il-maqdes,
Sidi, li ħejjew idejk.
Il-Mulej
isaltan għal dejjem ta’ dejjem”. R/.
Qari IV
Bi mħabba ta’ dejjem ħenn għalik il-Mulej.
Is 54, 5-14
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija
L-għarus
tiegħek il-Ħallieq
tiegħek,
Jaħweh tal-eżerċti jismu;
il-feddej
tiegħek, il-Qaddis ta’
Iżrael,
Alla tal-art kollha jissejjaħ.
Iva, bħal
mara mitluqa u mdejqa f’qalbha
sejjaħlek il-Mulej,
bħal mara mitluqa f’żgħożitha,
jgħid il-Mulej Alla tiegħek.
Għal ftit jien tlaqtek;
imma bi mħabba bla qjies jien nerġa’
niġbrok.
Fis-saħna tal-korla ħbejt
wiċċi għal ftit minnek;
bi mħabba
ta’ dejjem inħenn għalik,
jgħid il-Mulej, il-Feddej
tiegħek.
Dan għalija
bħal fi żmien Noè,
meta ħlift
li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.
Hekk naħlef issa li
ma nisħonx aktar għalik,
u lanqas
ma nċanfrek.
Jistgħu jitħarrku l-muntanji,
jitheżżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,
u s-sliem
tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx,
jgħid il-Mulej li jħenn
għalik.
Magħkusa, imħabbta mill-irwiefen,
mara bla faraġ!
Jien inqiegħed il-ġebel
tiegħek fl-ifjen tajn;
u l-pedamenti
tiegħek biż-żaffir.
Nagħmel l-amberżuni ta’ swarek
tar-rubini,
u bwiebek
tal-karbunkli,
u d-dawra
tas-swar tal-ħaġar
prezzjuż.
Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej,
kbir għad ikun ġid uliedek.
Fuq sies il-ġustizzja titwaqqaf,
’il bogħod
mit-tagħkis,
għax ma għandekx mniex
tibża’;
u ’l bogħod
mit-twerwir għax ma jersaqx lejk.
Jekk jaħbtu għalik,
ma jkunx minni;
min jaħbat
għalik, jaqa’ quddiemek.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 29 (30), 2.4.5-6.11.12a.13b
R/. (2a): Ngħollik,
Mulej, għax erfajtni
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,
u ma ferraħtx
l-għedewwa tiegħi
bija.
Mulej, tellajtli mill-mewt
lil ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.
Għannu lill-Mulej, ħbieb
tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ
l-imħabba tiegħu.
Filgħaxija jidħol il-biki,
filgħodu jidwi l-għajjat
ta’ ferħ. R/.
Ismagħni, Mulej, u ħenn
għalija;
kun, Mulej, l-għajnuna
tiegħi.
Int bdilt
fi żfin l-għali tiegħi,
Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.
Qari V
Ersqu lejja, isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Is 55, 1-11
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Isaija
Dan jgħid
il-Mulej:
“Intom li bikom l-għatx,
ejjew għall-ilma;
intom ukoll li m’għandkomx
flus.
Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.
Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,
u ġidkom
f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
u ruħkom
titpaxxa b’ikel bnin.
Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri
mwiegħda lil David.
Ara, jien
qegħedtu xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġiżlatur fuq
il-popli.
Int ġens
li ma tafx bih issejjaħ;
ġnus li ma jafukx jiġru
lejk,
minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
il-Qaddis
ta’ Iżrael,
għax lilek żejjen bil-ġieħ.
Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu fil-qrib!
Ħa jħalli triqtu
l-midneb,
u l-bniedem
il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.
Il-fehmiet
tiegħi mhumiex fehmietkom,
u t-triqat
tiegħi mhumiex triqatkom.
Oraklu tal-Mulej.
Għax daqs kemm huma ogħla
s-smewwiet
mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati
’l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet
tiegħi mill-fehmiet tagħkom.
Bħalma x-xita u s-silġ
jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux
lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel
u tnibbet,
u tagħti
ż-żerriegħa lil
min jiżra’ u l-ħobż
lil min jiekol,
hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn
fommi,
u ma terġax
lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob
lili,
u ttemm
dak li nkun bgħattha tagħmel”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Is 12, 2-3.4bċd. 5-6
R/. (3): Kollkom
ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni
Ara, Alla
s-salvazzjoni tiegħi,
jiena nittama u ma jkollix
mniex nibża’.
Għax qawwieti u għanjieti
hu l-Mulej,
għalija sar is-salvazzjoni.
R/.
Kollkom ferħana timlew
l-ilma
mill-għejun
tas-salvazzjoni.
Roddu ħajr lill-Mulej,
sejħu ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel
tiegħu,
xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.
Għannu lill-Mulej
għax għamel ħwejjeġ
kbar;
ħa jkun dan magħruf
mal-art kollha.
Aqbeż bil-ferħ, għanni,
int li tgħammar f’Sijon,
għax kbir hu f’nofsok
il-Qaddis ta’ Iżrael!
R/.
Qari VI
Imxi lejn id-dija tad-dawl tal-Mulej.
Bar 3, 9-15.32 - 4,4
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Baruk
Isma’, Iżrael, il-kmandamenti
tal-ħajja,
agħtu widen, tgħallmu l-għerf!
Għala, Iżrael, għala
tinsab f’art l-għedewwa tiegħek?
Għala qiegħed tixjieħ
f’art barranija?
Għala int imniġġes mal-mejtin,
magħdud fost dawk li jinżlu f’Qiegħ l-Art?
Int twarrabt
mill-għajn tal-għerf.
Li kieku
mxejt fit-triq ta’ Alla,
kont tkun tgħix fis-sliem għal dejjem!
Tgħallem fejn hemm l-għaqal,
fejn hemm il-qawwa, fejn hemm id-dehen,
biex f’ħin wieħed
tagħraf fejn hemm
it-tul tal-għomor u t-tul tal-ħajja,
fejn hemm id-dawl għall-għajnejn u s-sliem.
Imma min kixef fejn jinsab l-għerf?
U min daħal
fl-imħażen tiegħu?
Imma Dak li jaf kollox jaf fejn hu l-għerf,
għax sabu bid-dehen tiegħu.
Dak li ħejja
l-art għal dejjem,
li mlieha
bil-bhejjem li jimxu fl-art;
hu, li jibgħat
id-dawl, u dan imur;
isejjaħlu, u jisma’ minnu mriegħed;
jiddu l-kwiekeb għassiesa
f’posthom, kollhom ferħana;
hu jsejħilhom,
u huma jwieġbu: “Hawn aħna;”
jiddu ferħana għal
dak li għamilhom.
Dan hu Alla
tagħna:
ħadd ma joqgħod ħdejh!
Hu sab it-triq
kollha tal-għerf,
u tah lil Ġakobb, il-qaddej tiegħu,
u lil Iżrael, il-maħbub tiegħu.
Imbagħad dan l-għerf deher
fid-dinja
u għammar
fost il-bnedmin.
Hu ktieb
il-kmandamenti ta’ Alla,
hu l-Liġi
li tibqa’ għal dejjem;
kull min iħarsu jgħix,
dawk li jħalluh imutu.
Erġa’ lura, Ġakobb,
u ilqa’ l-għerf,
imxi lejn id-dija ta’ dawlu;
titlaqx il-glorja tiegħek
lil ħaddieħor,
lanqas ġieħek lil
ġens barrani.
Hienja aħna, Iżrael,
għax dak li jogħġob lil
Alla kien mgħarraf lilna.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 18 (19), 8.9.10.11
R/. (Ġw
6, 68ċ): Mulej, inti għandek
il-kliem tal-ħajja ta’
dejjem
Il-liġi
tal-Mulej perfetta,
u tagħti
l-ħajja;
ix-xhieda
tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem
lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti
tal-Mulej dritti,
u jferrħu
l-qalb;
il-kmandament
tal-Mulej safi,
u jdawwal
l-għajnejn. R/.
Il-biża’
tal-Mulej sinċier,
u jibqa’
għal dejjem;
il-ġudizzji
tal-Mulej sewwa,
u mseddqa
għal kollox. R/.
Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb
l-aktar fin,
oħla mill-għasel u mill-qtar
tax-xehda. R/.
Qari VII
Irroxx fuqkom ilma safi, u nagħtikom
qalb ġdida.
Eżek 36, 16-17a.18-28
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Eżekjel
Ġietni l-kelma tal-Mulej u
qalli: “O bniedem,
meta d-dar ta’ Iżrael kienu għadhom
f’arthom, huma tebbgħuha
bl-imġiba tagħhom
u b’għemilhom. U jiena ferrajt qillti
fuqhom minħabba fid-demm li xerrdu fl-art u minħabba
fl-idoli li bihom ċappsu l-art. Xerridthom fost il-ġnus,
u huma xterdu mal-artijiet;
għamilt ħaqq minnhom skont imġibthom u skont
triqathom. Meta marru fost il-ġnus, kull fejn marru, kasbru
ismi l-qaddis, hekk li n-nies bdew jgħidu għalihom: “Dan hu l-poplu tal-Mulej,
li kellhom joħorġu
minn artu!”. Imma jien bżajt għal
ismi l-qaddis li wlied Iżrael kasbru fost il-ġnus fejn marru. Għalhekk għidilhom lid-dar
ta’ Iżrael: “Dan jgħid
Sidi l-Mulej: Mhux minħabba fikom
sejjer nagħmel dan, dar Iżrael, iżda minħabba f’ismi l-qaddis
li intom kasbartu fost il-ġnus fejn mortu. Jien
inqaddes ismi l-kbir, imkasbar minnkom fost il-ġnus, li f’nofshom kasbartuh, u l-ġnus ikunu jafu li jiena l-Mulej, meta nuri qdusiti fikom quddiem għajnejhom – oraklu
ta’ Sidi l-Mulej – meta neħodkom
minn fost il-ġnus
u niġmagħkom mill-artijiet
kollha, u nerġa’ ndaħħalkom f’artkom. U rroxx fuqkom ilma safi, u tissaffew
mit-tinġis kollu tagħkom; mil-lidoli kollha tagħkom
insaffikom. U nagħtikom
qalb ġdida, u ruħ ġdida nqiegħed ġo
fikom; u nneħħi minn ġisimkom il-qalb tal-ġebel u nagħtikom
qalb tal-laħam flokha. U nqiegħed ruħi ġo fikom, u nagħmel li timxu skont il-kmandamenti tiegħi, u li żżommu l-preċetti tiegħi u tħarsuhom.
U tgħammru fl-art li tajt lil missirijietkom,
u intom tkunu
l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla
tagħkom”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 41 (42), 3.5bċd; 42
(43), 3.4
R/. (42, 2): Tixxennaq
ruħi għalik, o Alla tiegħi!
Ruħi għatxana għal
Alla,
għal Alla l-ħaj;
meta niġi
u nara wiċċ Alla? R/.
Kif kont
nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ
sad-dar
ta’ Alla,
fost għajta ta’ ferħ
u ta’ radd il-ħajr,
qalb folla ferħana.
R/.
Ibgħat id-dawl tiegħek
u s-sewwa tiegħek;
huma jmexxuni;
iwassluni sal-għolja mqaddsa
tiegħek
u sal-għerejjex
tiegħek. R/.
U nidħol
ħdejn l-artal ta’ Alla,
ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok
ħajr biċ-ċetra,
o Alla, Alla tiegħi. R/.
Jekk ser tiġi ċċelebrata magħmudija
Salm Responsorjali
Salm 50 (51), 12-13.14-15.18-19
R/. (12a): Oħloq
fija qalb safja, o Alla
Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu
qawwi ġedded fija.
La twarrabnix
minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.
Roddli l-hena tas-salvazzjoni
tiegħek,
u bi spirtu
qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin
lejk jerġgħu lura. R/.
Għax lilek ma jogħġbokx
is-sagrifiċċju;
noffrilek vittmi maħruqa,
u ma tilqagħhomx.
Is-sagrifiċċju
tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;
qalb maqsuma u sogħbiena
ma twarrabhiex, o Alla. R/.
Epistola
Kristu qam mill-imwiet biex ma jmutx aktar.
Rum 6, 3-11
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lir-Rumani
Ħuti, ma tafux li aħna
lkoll li tgħammidna fi
Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu
fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet
permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna
ngħixu ħajja ġdida. Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt.
Dan nafu:
li l-bniedem il-qadim tagħna ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub,
sabiex ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub. Min imut, jeħles
mid-dnub. Jekk aħna mitna ma’
Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu. Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem
fuqu. Hu li miet, miet darba għal
dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed
jgħix, qiegħed jgħix għal Alla. Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin
għal Alla fi Kristu Ġesù.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Wara l-Epistola kulħadd iqum bilwieqfa, u ċ-Ċelebrant
jintona b’mod solenni għal tliet darbiet l-Hallelujah, dejjem jogħla fil-vuċi. Kull darba l-ġemgħa twieġeb warajh.
Salm Responsorjali
Salm 117 (118),
1-2.16ab-17.22-23
R/. Hallelujah, hallelujah,
hallelujah
Faħħru lill-Mulej, għaliex
hu tajjeb,
għax għal dejjem
it-tjieba tiegħu!
Ħa jgħidu wlied Iżrael:
“Għal
dejjem it-tjieba tiegħu”. R/.
Il-leminija
tal-Mulej ’il fuq merfugħa,
il-leminija
tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.
Ma mmutx,
imma nibqa’ ngħix,
u nħabbar
l-għemejjel tal-Mulej.
R/.
Il-ġebla
li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka.
Bis-saħħa
tal-Mulej seħħ
dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna.
R/.
Evanġelju
Ġesù ta’ Nazaret,
li kien mislub, qam mill-imwiet.
Mk 16, 1-7
Qari mill-Evanġelju
skont San Mark
Meta għadda s-Sibt,
Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.
U bdew jgħidu lil xulxin: "Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?" Iżda meta ħarsu, raw li
l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda
n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda;
u nħasdu. Imma hu qalilhom: "Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù
ta' Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m'huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh.
Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom."
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu