3 ta’ Jannar

 

Qari I

Kull min jgħammar fi Kristu ma jidnibx.

1 Ġw 2, 29 – 3, 6

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għeżież, jekk tafu li Alla huwa ġust, tafu wkoll li dawk kollha li l-għemil tagħhom huwa ġust huma mnisslin minnu. Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier; nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew. Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu. Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna. Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu. Kull min għandu din it-tama fih, jissaffa bħalma safi huwa Kristu. Kull min jagħmel id-dnub jikser ukoll il-liġi; għax id-dnub huwa l-ksur tal-liġi. U intom tafu li Ġesù deher biex ineħħi d-dnubiet, hu, li ma hemm ebda dnub fih. Kull min jgħammar fih ma jidnibx; iżda kull min jidneb, lil Ġesù la rah u lanqas għarfu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97 (98), 1.3ċd-4.5-6

 

R/. (3a): L-art kollha rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

 

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 1, 14a.12a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Verb sar bniedem u għammar fostna.

Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Araw il-Ħaruf ta’ Alla.

Ġw 1, 29-34

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġwanni ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja! Dan hu li għalih għedtilkom: “Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli”. Anqas jien stess ma kont nafu; imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael”. U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu”. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt: “Dan hu l-Iben ta’ Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu