It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Ma niflaħx jien
waħdi l-piż ta’ dan il-poplu kollu.
Num 11, 4b-15
Qari mill-Ktieb tan-Numri
F’dak iż-żmien, ulied Iżrael ukoll bdew jibku u jgħidu:
“Min se jitmagħna l-laħam? Niftakru l-ħut li konna nieklu fl-Eġittu b’xejn; il-ħjar, il-bettieħ, il-kurrat, il-basal, u t-tewm. U issa bil-ġuħ; għajnejna ma jarawx ħlief il-manna”.
U l-manna kienet tixbah
iż-żerriegħa tal-kożbor,
u lewn ir-raża. Il-poplu kien jixtered jiġborha, u jlaqqtuha, u mbagħad jitħnuha bil-mitħna, jew
jisħquha fil-mehrież.
Kienu jsajruha fil-borma u jagħmluha ftajjar; u t-togħma tagħha kienet bħal tal-għaġina maħduma biż-żejt.
U meta billejl kienet taqa’ n-nida fuq
il-kamp, kienet taqa’ magħha l-manna wkoll.
Mosè sama’ l-poplu jibki,
familja familja, kulħadd f’bieb it-tinda tiegħu. Il-Mulej xegħel b’qilla kbira, u Mosè inkwieta. U Mosè staqsa lill-Mulej: “Għala inkwetajt il-qaddej tiegħek? Jaqaw ma sibtx grazzja quddiemek, biex għabbejtni bil-piż ta’ dan il-poplu? Forsi
jien ġibt f’ġufi dan il-poplu kollu? Forsi wellidtu jien biex tgħidli: “Ġorru fi ħdanek bħalma l-imraddgħa ġġorr tarbija fi ħdanha”,
sakemm twasslu fl-art li int ħlift
li tagħtiha lil missirijiethom? Mnejn se nġib jien il-laħam biex nagħtih lill-poplu kollu, li qegħdin jibkuli u jgħiduli: “Agħtina laħam x’nieklu!”. Ma niflaħx jien waħdi l-piż ta’ dan il-poplu kollu; tqil wisq għalija! Jekk int se timxi hekk miegħi,
oqtolni; jekk sibt grazzja quddiemek, ma narax
id-deni tiegħi!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 80 (81), 12-13.14-15.16-17
R/. (2a): Għannu bil-ferħ
lil Alla, qawwa tagħna
Il-poplu tiegħi
ma semax minni,
Iżrael ma riedx jaf bija.
Għalhekk tlaqthom għall-ebusija ta’ qalbhom,
biex imxew skont il-fehmiet
tagħhom. R/.
Jekk il-poplu tiegħi jisma’ minni,
jekk Iżrael jimxi fi triqati,
minnufih inniżżel l-għedewwa
tagħhom,
idi ndawwar fuq dawk
li huma kontrihom. R/.
Dawk li jobogħduhom jersqu jitkaxkru quddiemhom;
din tkun xortihom għal
dejjem.
U lilhom nitmagħhom
b’qamħ mill-aħjar,
inxebbagħhom bl-għasel mill-blat. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 4, 4b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
R/. Hallelujah
Jew meta taħbat
is-sena A
Ġw 1, 49b
Hallelujah. R/. Hallelujah
Rabbi, int l-Iben
ta’ Alla,
inti s-sultan
ta’ Iżrael!
R/. Hallelujah
Evanġelju
Rafa’ għajnejh
lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet
u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli
newluhom lin-nies.
Mt 14, 13-21
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm
bid-dgħajsa u mar waħdu
f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi
mill-ibliet. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda
tagħhom. Xħin sar
filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin
għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief
ħames ħobżiet
u żewġ ħutiet!”. “Ġibuhomli hawn”, qalilhom.
Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix, ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ
ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.
U kulħadd kiel
u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa.
U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Jew meta taħbat
is-sena A
Evanġelju
Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.
Mt 14, 22-36
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Wara li l-folla kielet, Ġesù
minnufih ġiegħel
lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat
lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.
Id-dgħajsa kienet
diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ
kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl
mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar.
Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih
kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu,
tibżgħu xejn!”.
Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa
int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja!”, qallu Ġesù.
Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn
Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd
idu, qabdu, u qallu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”.
Meta mbagħad it-tnejn
telgħu fid-dgħajsa,
ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”. Qasmu għan-naħa
l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret. In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu
l-morda kollha u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa;
u dawk kollha li messewh fiequ.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu