It-Tlettax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Iżakk ħabb lil Rebekka u hekk tfarraġ wara l-mewt ta’ ommu.

Ġen 23, 1-4.19; 24, 1-8.62-67

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Sara laħqet l-għomor ta’ mija u sebgħa u għoxrin sena. Dawn kienu s-snin ta’ ħajjet Sara. U mietet Sara f’Kirjat-arba, li hi Ħebron, fl-art ta’ Kangħan. Abraham daħal jagħmel il-vistu għal Sara u jibkiha.

 

Imbagħad Abraham qam minn quddiem il-mejta, u mar ikellem lil ulied Ħet u qalilhom: “Jien qiegħed ngħix magħkom, ta’ barrani u frustier. Agħtuni li jkolli qabar magħkom, u nidfen il-mejta tiegħi minn quddiemi”. Wara dan, imbagħad, Abraham difen lil Sara, martu, fl-għar tal-għalqa ta’ Makfela biswit Mamri, li hi Ħebron, fl-art ta’ Kangħan.

 

Abraham kien xjieħ u mdaħħal fiż-żmien, u l-Mulej kien bierku f’kollox. U Abraham qal lill-qaddej tiegħu, l-ixjeħ f’daru, li kien jeħodlu ħsieb ta’ kulma kellu: “Agħmel idek taħt kuxxtejja, u nġagħlek taħlifli bil-Mulej Alla tas-sema u l-art, li ma tiħux mara għal ibni mill-bniet tal-Kangħanin, li jien qiegħed ngħammar f’nofshom. Imma tmur f’arti, u għand niesi, u ħu minn hemm mara għal ibni Iżakk”.

 

U l-qaddej wieġbu: “U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħi, f’din l-art, ikolli nerġanieħu lil ibnek fl-art li minnha int ħriġt?”. U Abraham wieġbu: Qis li ma tiħux lil ibni hemmhekk. Il-Mulej, Alla fis-smewwiet, li ħadni minn dar missieri u minn art twelidi, u li kellimni u ħalifli u qalli: “Lil nislek nagħti din l-art”, jibgħat l-anġlu tiegħu quddiemek u int tieħu mara għal ibni minn hemm. U jekk il-mara ma tkunx trid tiġi miegħek, int tkun maħlul minn din il-ħalfa tiegħi. Biss lil ibni teħdux hemmhekk”.

 

Wara ħafna żmien, Iżakk kien mar Bir-laħaj-roj, għax kien joqgħod fl-art tan-Negeb. U Iżakk kien ħareġ jistrieħ fir-rabagħall-habta ta’ filgħaxija, u rafagħajnejh, u ħares, u ra l-iġmla resqin. U Rebekka refgħet għajnejha u rat lil Iżakk, u niżlet minn fuq il-ġemel. U qalet lill-qaddej: “Min hu dak ir-raġel li ġej fir-rabajiltaqamagħna?. U weġibha l-qaddej: “Dak sidi”. U qabdet l-istar u tgħattiet bih.

 

U l-qaddej qal lil Iżakk kulma kien għamel. U Iżakk daħħalha fl-għarix ta’ Sara ommu, u ħa ’l Rebekka u saret martu u ħabbha; u hekk tfarraġ Iżakk wara l-mewt ta’ ommu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 105 (106), 1-2.3-4a.4b-5

 

R/. (1a): Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tieba tiegħu!

Min jistajsemmi l-għemejjel kbar tal-Mulej,

jew isemma’ t-tifħir tiegħu kollu? R/.

 

Hieni min jimxi bid-dritt,

min jagħmel dejjem is-sewwa.

Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek. R/.

 

Aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek,

biex nara l-ġid tal-magħżulin tiegħek,

biex nifraħ għall-ferħ ta’ ġensek,

u niftaħar mal-poplu ta’ wirtek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju.

Mt 9, 9-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew. “Ejja warajja!” qallu. Dak qam u mar warajh. U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta pubblikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù u d-dixxipli tiegħu. Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli: “Għaliex jiekol malpubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?. Hu semagħhom, u qal: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mela morru tgħallmu x’jiġifieri: “Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju”; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu