Id-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
It-talba nstemgħet
quddiem il-maestà ta’ Alla.
Tob 3, 1-11a.16-17a
Qari mill-Ktieb ta’ Tobit
F’dak
iż-żmien, qabditni
bħal diqa f’qalbi, u nfexxejt nolfoq u nibki; u bdejt
nitlob u nitniehed: “Int
ġust, Mulej, u kulma tagħmel hu sewwa; imġibtek hi kollha ħniena u sewwa. Int tagħmel ħaqq
mid-dinja. Issa ftakar fija,
Mulej, u ħares lejja. Titħallasx minn dnubieti u n-nuqqasijiet tiegħi, jew ta’ missirijieti. Huma dinbu quddiemek u kisru l-kmandamenti tiegħek; għalhekk int erħejtna biex
jisirquna, ijassruna, joqtluna u jwaqqgħuna għaż-żuffjett, u ġibtna
f’ilsien il-ġnus kollha, li fosthom int xerridtna. Il-ħafna
ġudizzji
tiegħek huma tassew ġusti fl-imġiba tiegħek miegħi
minħabba
dnubieti, għax aħna ma ħarisniex il-kmandamenti tiegħek u lanqas
imxejna sewwa quddiemek. Agħmel miegħi kif jogħġbok, u ordna li jneħħuli ħajti biex ninqered minn
fuq wiċċ l-art, u
nsir
trab.
Aħjar immut milli ngħix; għax smajt biżżejjed tagħjir
u gideb, u għandi għali u swied il-qalb kbir. Mulej,
agħmel li neħles minn dawn
id-dwejjaq, ħallini mmur fil-post ta’ dejjem, iddawwarx wiċċek minni,
Mulej. Jaqbilli mmut milli ngħix
iżjed f’dawn id-dwejjaq
kollha,
u nisma’ aktar min jgħajjarni!”.
Dakinhar
stess ġara li Sara
bint Ragħwel, li kien joqgħod f’Ekbatana tal-Medja,
semgħet waħda mis-sefturi ta’ missierha tgħajjarha li kienu
żewġuha lil sebat irġiel, u Asmodew, l-ispirtu ħażin, qatilhom qabel
ma laħqu resqu lejha bħalma hu soltu għan-nisa
miżżewġa. Din is-seftura
qaltilha: “Int il-qattiela ta’ żwieġek.
Ara, iżżewwiġt
sebat
irġiel
u isem ħadd minnhom ma writt! Għala ssawwatna minħabba żwieġek,
ladarba mietu? Mur magħhom. Jalla ma naraw qatt minnek u la tifel
u la tifla”.
Meta semgħet dan imtliet bi swied il-qalb, u nfexxet
tibki. Telgħet fuq il-bejt ta’ missierha, u riedet titgħallaq. Iżda
reġgħet ħasbitha
u qalet bejnha u bejn ruħha: “Nibża’ li jgħajru lil
missieri u jgħidulu: “Kellek tifla waħda
għażiża, u hi tgħallqet minħabba
l-hemm tagħha”. Għaliex għandi nwassal fil-qabar bl-għali x-xjuħija ta’ missieri? Aħjar għalija ma nitgħallaq xejn, imma nitlob lil
Alla li mmut u ma nismax aktar dan
it-tagħjir f’ħajti”.
Dak il-ħin stess
fetħet idejha lejn it-tieqa, u bdiet titlob u tgħid: “Imbierek int, Alla ħanin; Imbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem”.
Fl-istess
ħin it-talba tal-waħda u tal-ieħor instemgħet quddiem il-maestà
ta’ Alla, u ntbagħat Rafel biex ifejjaqhom
it-tnejn; lil Tobit jeħilsu
mit-tbajja’ tal-bjada ta’ għajnejh, biex bihom jara d-dawl
ta’ Alla,
u lil Sara bint Ragħwel,
jagħtiha lil Tobija bin Tobit b’martu, u jeħlisha
minn Asmodew, l-ispirtu ħażin.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 24 (25), 2-3a.4b-5ab.6-7bċ.8-9
R/. (1b): Lejk jien nerfa’ ruħi,
Mulej, Alla tiegħi
Fik
jien nittama,
ma jkollix għax nitħawwad!
Ma jifirħux l-għedewwa tiegħi minħabba fija!
Kull min jittama fik ma jkollux għax jitħawwad. R/.
Triqatek,
Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet
tiegħek għallimni.
Mexxini
fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax
int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. R/.
Ftakar
fil-ħniena u t-tieba tiegħek,
għax
huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar
fija skont it-tieba tiegħek. R/.
Tajjeb
u sewwa l-Mulej;
għalhekk
juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi
l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem
lill-fqajrin it-triq tiegħu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 11, 25a.26
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien
hu l-qawmien u l-ħajja, jgħid il-Mulej;
kull
min jemmen fija, dan ma jmut qatt.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin!
Mk 12, 18-27
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, resqu lejn Ġesù xi Sadduċej, li jgħidu li
ma hemmx qawmien
mill-imwiet, u għamlulu
din il-mistoqsija: “Mgħallem, Mosè
ħallielna miktub li, jekk wieħed imutlu ħuh u dan iħalli warajh
lil
martu bla tfal, dak ikollu
jiżżewweġ l-armla
hu biex inissel
ulied
għal
ħuh. Mela jkun hemm sebat
aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla
ma ħalla tfal. It-tieni wieħed iżżewweġ l-armla, miet, u anqas hu ma ħalla
wlied; hekk ukoll it-tielet, u ħadd minnhom is-sebgħa ma ħalla
wlied. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa fil-qawmien
tal-imwiet,
meta jqumu lkoll, mart min minnhom tkun? Għax
is-sebgħa
jkunu żżewġuha”.
Qalilhom
Ġesù: “U mhux għalhekk tiżbaljaw intom, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta’ Alla! Għax il-bnedmin, meta jqumu
mill-imwiet, la jiżżewġu
u lanqas iżewġu, imma jkunu bħall-anġli
fis-smewwiet. Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet,
fil-ktieb ta’ Mosè, fejn jissemma l-għollieq, ma qrajtux kif
Alla qallu: “Jiena Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’
Ġakobb?”.
Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! Sejrin żball
għall-aħħar”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu