Il-Ħames Ħadd tal-Għid

 

Qari I

Qalilhom kif Sawl ra lill-Mulej fit-triq.

Atti 9:26-31

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, meta Sawl wasal Ġerusalemm beda jfittex li jissieħeb mad-dixxipli. Imma lkoll kienu jibżgħu minnu, għax ma kinux emmnu li tassew ikkonverta. Imbagħad Barnaba qabdu u ħadu miegħu għand l-appostli. Hu qalilhom kif Sawl kien ra lill-Mulej fit-triq u semgħu jkellmu, u kif f’Damasku kien tkellem b’wiċċu minn quddiem fl-isem ta’ Ġesù.

 

Għalhekk Sawl baqamagħhom, dieħel u ħiereġ Ġerusalemm, u kien jitkellem bil-miftuħ f’isem il-Mulej. Kien jitħaddet mal-Lhud Griegi u jiddiskuti magħhom; iżda huma kienu jfittxu li joqtluh.

 

Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh lejn Ċesarija u bagħtuh Tarsu. Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 21(22):26b-27,28,30,31-32

 

R/. 26 (a): Mulej, nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira.

 

jew

 

R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 

Irrodd il-wegħdiet tiegħi

quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem! R/.

 

Jiftakru t-truf kollha tal-art,

u jerġgħu lura lejn il-Mulej;

u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;

quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.

U għalih tgħix ruħi. R/.

 

Lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,

ixandru l-ġustizzja tiegħu

lill-poplu li għad jitwieled:

“Dan għamlu l-Mulej!. R/.

 

Qari II

Dan hu l-kmandament tiegħu, li nemmnu u nħobbu.

1 Ġw 3:18-24

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Uliedi, ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa. Minn dan naslu li nagħrfu li aħna fil-verità, u quddiem Alla nserrħu l-kuxjenza tagħna, jekk il-kuxjenza ċċanfarna, għax Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox.

 

Għeżież, jekk il-kuxjenza tagħna ma ċċanfarniex, aħna qalbna qawwija quddiem Alla, u kulma nitolbu naqilgħuh mingħandu, għax qegħdin inżommu l-kmandamenti tiegħu u nagħmlu dak li jogħġob lilu.

 

Dan hu l-kmandament tiegħu: li nemmnu fl-isem ta’ Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin, kif wissiena hu. Min iżomm il-kmandamenti tiegħu jgħammar f’Alla u Alla fih. B’hekk nagħrfu li hu jgħammar fina: bl-Ispirtu li hu tana.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15:4a,5b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Ibqgħu fija, u jiena nibqafikom, jgħid il-Mulej;

min jibqafija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Min jibqafija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

Ġw 15:1-8

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.

 

Ibqgħu fija, u jiena nibqafikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqafija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.

 

Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqafikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.