It-Tielet Ġimgħa tal-Għid

Is-Sibt

 

Qari I

Il-Knisja kienet dejjem tikber u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

Atti 9, 31-42

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Ġara li Pietru, huwa u jdur dawk l-inħawi kollha, niżel ukoll għand il-qaddisin li kienu joqogħdu Lidda. Hemmhekk sab raġel mifluġ, jismu Enea, li kien ilu tmien snin mixħut fis-sodda. Pietru qallu: “Enea, Ġesù Kristu jfejqek; qum u ifrex is-sodda inti stess”. U dak minnufih qam. In-nies kollha li kienu joqogħdu f’Lidda u f’Saron rawh, u daru lejn il-Mulej. F’Ġaffa kien hemm waħda mid-dixxipli jisimha Tabita, isem li jfisser Għażżiela; kienet mara tagħmel ħafna opri ta’ karità u għemejjel tajba. Ħabat li f’dawk il-ġranet mardet u mietet; keffnuha, u qegħduha fil-kamra ta’ fuq. Billi Lidda tiġi qrib Ġaffa, id-dixxipli, meta semgħu li Pietru kien hemm, bagħtulu żewġt irġiel jitolbuh u jgħidulu: “Iddumx ma tiġi sa għandna”. Minnufih Pietru qam u telaq magħhom. Kif wasal, tellgħuh fil-kamra ta’ fuq, u r-romol kollha daru miegħu, jibku u juruh l-ilbiesi u l-imnatar li kienet għamlitilhom Tabita meta kienet għadha magħhom. Pietru bagħat lil kulħadd ’il barra u niżel għarkupptejh jitlob. Imbagħad dar lejn il-katavru u qal: “Tabita, qum!”. Hi fetħet għajnejha u, malli rat lil Pietru, qamet bilqiegħda. Pietru taha idu u qajjimha. Sejjaħ imbagħad lill-qaddisin u r-romol, u tahielhom ħajja. Ġaffa kollha saret taf b’dan, u ħafna emmnu fil-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 115 (116), 12-13.14-15.16-17

 

R/. (12): Xi rrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Xi rrodd lill-Mulej

għall-ġid kollu li għamel miegħi?

Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

 

Intemm lill-Mulej il-wegħdiet tiegħi,

quddiem il-poplu tiegħu kollu.

Għażiża f’għajnejn il-Mulej

hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. R/.

 

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,

jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.

Int ħallejtli l-irbit tiegħi.

Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u isem il-Mulej insejjaħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 6, 63ċ.68ċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja;

Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

Ġw 6, 60-69

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, ħafna dixxipli ta’ Ġesù, meta semgħuh jitkellem fuq il-ħobż tal-ħajja qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”.

 

Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”. Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu