It-Tieni Ġimgħa tar-Randan

It-Tlieta

 

Qari I

Tgħallmu agħmlu t-tajjeb, fittxu d-dritt.

1, 10.16-20

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Isimgħu l-kelma tal-Mulej,

intom prinċpijiet ta’ Sodoma;

agħtu widen għat-tagħlim ta’ Alla tagħna,

intom nies ta’ Gomorra!

Inħaslu u tnaddfu,

neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja,

ieqfu mill-ħażen.

Tgħallmu agħmlu t-tajjeb,

fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji,

iddefendu l-iltim,

aqbżu għall-armla”.

 

Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien, jgħid il-Mulej.

Imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt,

isiru bojod bħas-silġ;

imqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi,

isiru bojod bħas-suf.

Jekk intom tridu u tobdu,

intom tieklu l-ġid tal-art.

Iżda jekk tgħidu le u twebbsu raskom,

ix-xabla tikolkom,

għax fomm il-Mulej tkellem”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 49 (50), 8-9.16bċ-17.21 u 23

 

R/. (23b): Lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla

 

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,

jew gidjien mill-imrieħel tiegħek. R/.

 

Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib,

u tixħet kliemi wara dahrek? R/.

 

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket;

forsi ħsibt li jiena bħalek!

Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek.

Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa

nurih is-salvazzjoni ta’ Alla. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Eżek 18, 31

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Biegħdu minnkom il-ħtijiet kollha li waqajtu fihom, jgħid il-Mulej,

u ġeddu qalbkom u ruħkom.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Kliem biss għandhom, imma fatti xejn.

Mt 23, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, 1Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom. Kulma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom “Rabbi”. Imma intom tħallux min isejħilkom “Rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħaddmissierkomfuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejħilkommexxejja”, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu