2 ta’ Frar

Il-Preżentazzjoni tal-Mulej

Solennità

 

Qari I

Mal 3,1-4

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija

 

Dan jgħid il-Mulej Alla: Arawni, sa nibgħat il-messaġġier tiegħi iwitti t-triq quddiemi.

U jasal minnufih fit-tempju tiegħu s-Sid mistenni minnkom.

U dan l-Anġlu tal-patt, li intom imxennqa għalih, dalwaqt ġej. Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti. Min sa jiflaħ għal-jum il-miġja tiegħu? Min sa jżomm fuq riġlejh għad- dehra tiegħu? Għax hu bħan-nar tal-ħaddied, bħas-soder fin tal-ħassiela!

 

Jintefa’ bilqiegħda jdewweb u jnaddaf il-fidda, u jsaffi u jirfina n-nisel ta’ Levi bħallikieku deheb u fidda. Huma mbagħad jersqu quddiem il-Mulej b’offerta xierqa.  U ssir togħġbu lill-Mulej kull offerta ta’ art Ġuda u Ġerusalemm, bħal fiż-żmien imbiegħed, bħal fis-snin ta’ qabel.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

23, 7-10

 

R/. Il-Mulej hu s-Sultan tal-Glorja.

 

Intrefgħu, o bibien,

infetħu, intom bibien ta’ dejjem,

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!  R/.

 

Min hu dan is-Sultan tal-glorja?

Hu l-Mulej tal-eżerċti:

hu s-Sultan tal-glorja! R/.

 

Qari II

Sar jixbah lil ħutu f’kollox.

Lhud 2, 14-18

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.

 

Billi l‐ulied għandhom l‐istess demm u ġisem, Ġesù wkoll bl‐istess mod sar bħalhom, biex b’mewtu jeqred is‐setgħa ta’ dak li kellu l‐mewt f’idejh, jiġifieri x‐xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil‐biża’ tal‐mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu. Għax tabilħaqq, mhux lill‐anġli jrid jgħin, imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun qassis ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, u biex ipatti għad‐dnubiet tal‐poplu. Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin ’il dawk li huma fit‐tiġrib.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Lq 2, 32

 

R/. Hallelujah

Dawl biex idawwal il-ġnus

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.

Lq 2, 22-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.

 

Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom, skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù f’Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, bħalma hu miktub fil-Liġi tal-Mulej, ‘Kull tifel li jitwieled l-ewwel wieħed, ikun ikkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad fil-Liġi tal-Mulej.

 

Kien hemm f’Ġerusalemm raġel jismu Xmun. Dan kien raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel, u l-Ispirtu s-Santu kien fuqu. U kien imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu li ma kienx sa jara l-mewt qabel ma jara lil Kristu l-Mulej. Ġie mela fit-Tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri ġiebu t-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa ħadu fuq dirgħajh, bierek ’l Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek; għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha: dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel.” Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil Marija, ommu: “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; sa jkun sinjal u jmeruh – u int ukoll, min-naħa tiegħek, sejf jinfidlek ruħek! – ħalli jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna.”

 

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’  Aser.  Din  kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena ma kinitx titwarrab mit- Tempju, lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet tfaħħar ’l Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej, reġgħu lura lejn il-Galilija, fil-belt tagħhom Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jitqawwa u jimtela bl-għerf. U l-grazzja t’Alla kienet fuqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.