2 ta’ Frar

Il-Preżentazzjoni tal-Mulej

Solennità

 

Qari I

Mal 3,1-4

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija

 

Dan jgħid il-Mulej Alla: Arawni, sa nibgħat il-messaġġier tiegħi iwitti t-triq quddiemi.

U jasal minnufih fit-tempju tiegħu s-Sid mistenni minnkom.

U dan l-Anġlu tal-patt, li intom imxennqa għalih, dalwaqt ġej. Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti. Min sa jiflaħ għal-jum il-miġja tiegħu? Min sa jżomm fuq riġlejh għad- dehra tiegħu? Għax hu bħan-nar tal-ħaddied, bħas-soder fin tal-ħassiela!

 

Jintefa’ bilqiegħda jdewweb u jnaddaf il-fidda, u jsaffi u jirfina n-nisel ta’ Levi bħallikieku deheb u fidda. Huma mbagħad jersqu quddiem il-Mulej b’offerta xierqa. U ssir togħġbu lill-Mulej kull offerta ta’ art Ġuda u Ġerusalemm, bħal fiż-żmien imbiegħed, bħal fis-snin ta’ qabel.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

23, 7-10

 

R/. Il-Mulej hu s-Sultan tal-Glorja.

 

Intrefgħu, o bibien,

infetħu, intom bibien ta’ dejjem,

ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!  R/.

 

Min hu dan is-Sultan tal-glorja?

Hu l-Mulej tal-eżerċti:

hu s-Sultan tal-glorja! R/.

 

Qari II

Sar jixbah lil ħutu f’kollox.

Lhud 2, 14-18

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud.

 

Billi l-ulied għandhom l-istess demm u ġisem, Ġesù wkoll bl-istess mod sar bħalhom, biex b’mewtu jeqred is-setgħa ta’ dak li kellu l-mewt f’idejh, jiġifieri x-xitan, u jeħles ’il dawk kollha li, minħabba fil-biża’ tal-mewt, kienu mjassrin għal għomorhom kollu. Għax tabilħaqq, mhux lill-anġli jrid jgħin, imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun qassis ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, u biex ipatti għad-dnubiet tal-poplu. Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin ’il dawk li huma fit-tiġrib.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Lq 2, 32

 

R/. Hallelujah

Dawl biex idawwal il-ġnus

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.

Lq 2, 22-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.

 

Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom, skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù f’Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, bħalma hu miktub fil-Liġi tal-Mulej, ‘Kull tifel li jitwieled l-ewwel wieħed, ikun ikkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad fil-Liġi tal-Mulej.

 

Kien hemm f’Ġerusalemm raġel jismu Xmun. Dan kien raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel, u l-Ispirtu s-Santu kien fuqu. U kien imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu li ma kienx sa jara l-mewt qabel ma jara lil Kristu l-Mulej. Ġie mela fit-Tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri ġiebu t-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa ħadu fuq dirgħajh, bierek ’l Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek; għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha: dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel.” Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil Marija, ommu: “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; sa jkun sinjal u jmeruh – u int ukoll, min-naħa tiegħek, sejf jinfidlek ruħek! – ħalli jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna.”

 

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’  Aser.  Din  kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena ma kinitx titwarrab mit- Tempju, lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet tfaħħar ’l Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej, reġgħu lura lejn il-Galilija, fil-belt tagħhom Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jitqawwa u jimtela bl-għerf. U l-grazzja t’Alla kienet fuqu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.