Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj.
Ġob 19, 21-27
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob
Ġob qal:
“Ħennu għalija, ħennu għalija intom, ħbiebi
għax id Alla laqtitni.
Għaliex tagħmlu għalija bħal Alla,
u minn laħmi ma tixbgħu qatt?
Kemm nixtieq li kliemi jinkiteb,
kemm nixtieq li jitnaqqax fil-bronż,
jew b’xafra tal-ħadid u b’mili taċ-ċomb
jitniżżel għal dejjem fil-blat!
Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj
u fl-aħħar fuq it-trab iqum,
u wara li jintemm ġildi,
għoddni bla laħam, nara ’l Alla.
Lilu narah b’ħabib tiegħi,
Dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 26 (27), 7-8a.8b-9abċ.13-14
R/. (13): Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin
Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,
ħenn għalija u weġibni.
“Ejja!” għedt f’qalbi:
“Fittex ’il wiċċu”. R/.
Jien wiċċek infittex, Mulej.
La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.
Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix u titlaqnix. R/.
Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej,
żomm sħiħ u qawwi qalbek;
ittama fil-Mulej. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 1, 15
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu.
Lq 10, 1-12
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, 1il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: “Is-sliem lil din id-dar!”. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom”. Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu: “Sa t-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet”. Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu