It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox.

1 Kor 2, 10b-16

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, l-Ispirtu jgħarbel kollox, sa fil-qiegħ ta’ Alla. Min qatt għaraf dak li hemm moħbi fil-bniedem jekk mhux l-ispirtu tal-bniedem li hemm fih? Hekk ukoll ħadd ma jagħraf dak li hemm f’Alla ħlief l-Ispirtu ta’ Alla. Aħna ma ħadniex l-ispirtu ta’ din id-dinja, imma l-Ispirtu ta’ Alla, biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina. Dawn il-ħwejjeġ ħabbarnihomlkom bi kliem li ma tgħallimniehx mill-għerf tal-bnedmin, imma mill-Ispirtu, u fissirna ħwejjeġ spiritwali lil nies spiritwali. Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu. Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd. Min hu dak li jista’ jifhem il-ħsieb tal-Mulej biex ikun jista’ jgħallmu? Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb ta’ Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 8-9.10-11.12-13ab.13ċd-14

 

R/. (17a): Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kulma għamel. R/.

 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.

 

Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej ‘il kull min se jaqa’,

iqajjem ‘il kull min hu mitluq. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna,

Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!

Lq 4, 31-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f’jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies, li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa.

 

U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta’ xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b’leħen għoli: “Ah! x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!”. Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!”. Imbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara.

 

U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: “Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b’setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu”. U l-fama tiegħu xterdet ma’ kullimkien f’dawk l-inħawi kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu