It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Ħananija, ma kienx il-Mulej li bagħtek, imma int ġagħalt lil dan il-poplu jittama f’gidba.

Ġer 28, 1-17

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

F’dik is-sena, fil-bidu tas-saltna ta’ Sedekija, sultan ta’ Ġuda, fil-ħames xahar tar-raba’ sena, Ħananija bin Għażżur, profeta minn Gibgħon, ġie fit-tempju tal-Mulej, u taħt għajnejn il-qassisin u l-poplu kollu qalli: Hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Jien kissirt il-madmad tas-sultan ta’ Babilonja! Sa sentejn oħra, inġib lura f’dan il-post it-tagħmir kollu tat-tempju tal-Mulej li Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja, ħa minn dan il-post u ġarru fil-Babilonja. U rraġġa’ lura wkoll lejn dan il-post lil Ġekonija bin Ġeħojakim, is-sultan ta’ Ġuda, u wkoll l-itturufnati kollha ta’ Ġuda li marru f’Babilonja, oraklu tal-Mulej, għax se nkisser il-madmad ta’ Babilonja”.

 

Imbagħad il-profeta Ġeremija wieġeb lil Ħananija l-profeta taħt għajnejn il-qassisin u taħt għajnejn il-poplu kollu, li kienu qegħdin fit-tempju tal-Mulej; u l-profeta Ġeremija qallu: “Sewwa! Jalla l-Mulej jagħmel hekk! Jalla l-Mulej jagħmel li jseħħ dak li għadek kemm ħabbart, u jġib lura f’dan il-post it-tagħmir tat-tempju tal-Mulej u l-itturufnati kollha minn Babilonja. Madankollu nitolbok tisma’ dan li se ngħidlek f’widnejk u f’widnejn il-poplu kollu. Il-profeti li ġew qabli u qablek, sa minn żmien ilu, ħabbru gwerra, ġuħ u pesta għal ħafna pajjiżi u saltniet kbar. Imma l-profeta li jħabbar is-sliem ma jingħarafx li hu profeta mibgħut tassew mill-Mulej, jekk mhux meta sseħħ il-ħaġa li l-profeta jkun ħabbar”.

 

Imbagħad il-profeta Ħananija qabad il-madmad minn fuq għonq il-profeta Ġeremija u kissru, u qal Ħannanija quddiem il-poplu kollu: “Hekk jgħid il-Mulej: Sa sentejn oħra, hekk se nkisser minn fuq għonq il-ġnus kollha l-madmad ta’ Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja”. Wara li Ħananija, il-profeta, kien kisser il-madmad minn fuq għonq il-profeta Ġeremija, il-Mulej kellem lil Ġeremija u qallu: Mur kellem lil Ħananija u għidlu: Hekk jgħid il-Mulej: Int kissirt madmad tal-ħatab, iżda minfloku għad ikollok madmad tal-ħadid. Għax hekk jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Madmad tal-ħadid inqiegħed fuq għonq dawn il-ġnus kollha, ħalli jaqgħu lsiera ta’ Nabukodonosor, is-sultan ta’ Babilonja, u jaqduh; għax jien tajtu saħansitra l-bhejjem tax-xagħri”.

 

Il-profeta Ġeremija qal lil Ħananija l-profeta: “Ħananija, ismagħni, nitolbok: ma kienx il-Mulej li bagħtek, imma int ġagħalt lil dan il-poplu jittama f’gidba. Għalhekk dan jgħid il-Mulej: Ara, se nqaċċtek minn fuq wiċċ l-art, u inti tmut dis-sena stess għax bit-taħbir tiegħek ridt ixxewwex kontra l-Mulej”. Ħananija l-profeta miet fis-seba’ xahar ta’ dik is-sena stess.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 29.43.79.80.95.102

 

R/. (68b): Għallimni, Mulej il-kmandamenti tiegħek

 

Biegħed minni triq il-gideb;

agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.

Tneħħili qatt minn fommi kliem is-sewwa,

għax jien fid-digrieti tiegħek nittama. R/.

 

Ħa jduru lejja dawk li jibżgħu minnek,

dawk li jagħrfu l-preċetti tiegħek.

Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek,

biex ma jkollix għax nistħi. R/.

 

Jgħassuli l-ħżiena biex jeqirduni;

imma jien ħsiebi fil-preċetti tiegħek.

Mid-digrieti tiegħek qatt ma nitbiegħed,

għax int kont li għallimthomli. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 4b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

R/. Hallelujah

 

Jew meta taħbat is-sena A

 

Ġw 1, 49b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Rabbi, int l-Iben ta’ Alla,

inti s-sultan ta’ Iżrael!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.

Mt 14, 13-21

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom. Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet!”. “Ġibuhomli hawn”, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix, ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Jew meta taħbat is-sena A

 

Evanġelju

Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.

Mt 14, 22-36

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

Wara li l-folla kielet, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu. Id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. Ejja!”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu, qabdu, u qallu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”. Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”. Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret. In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu