ŻJIEDA GĦALL-MISSAL RUMAN

It-Tnejn fuq Għid il-Ħamsin

 

Marija Omm u Xbieha tal-Knisja

 Tifkira (O)

 

It-titlu tal-Imqaddsa Marija Omm il-Knisja kellu l-bidu tiegħu meta twieled minnha Kristu, ir-Ras tal-Knisja, u hija saret omm il-mifdijin kollha qabel ma’ binha miet fuq is-Salib. San Pawlu VI, Papa, ikkonferma dan it-titlu tagħha solennement fid-diskors li kien għamel lill-Isqfijiet fil-Konċilju Vatikan II fil-21 ta’ Novembru 1964 u ordna li għandha “tingħata dan il-ġieħ billi tissejjaħ b’dan l-isem ħelu li anki llum jintuża mill-poplu nisrani kollu”.

 

IL-QUDDIESA

 

ANTIFONA TAD-DĦUL

Id-dixxipli kollha kienu ħaġa waħda bejniethom fit-talb

flimkien ma’ Marija, omm Ġesù

(ara Atti 1, 14)

                                                                                                                                                                                                     

KOLLETTA

O Alla, Missier il-ħniena,

Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib,

tana lil ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala ommna;

agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha,

il-Knisja tiegħek,

hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha,

tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li miegħek jgħix u jsaltan

flimkien mal-Ispirtu s-Santu,

Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

 

TALBA FUQ L-OFFERTI

Ilqa’, Mulej, l-offerti tagħna,

u ibdilhom fil-Misteru tas-salvazzjoni,

biex bil-qawwa tiegħu

u bl-imħabba ta’ Marija, Omm il-Knisja,

nitħeġġu biex jistħoqqilna

nissieħbu dejjem aktar magħha fl-opra tal-fidwa.

Bi Kristu Sidna.

 

PREFAZJU

 

Il-misteru ta’ Marija u l-Knisja

 

V.      Il-Mulej magħkom.

R.      U miegħek ukoll.

V.      Nerfgħu qlubna ’l fuq.

R.      Nerfgħuhom lejn il-Mulej.

V.      Niżżu ħajr lill-Mulej Alla tagħna.

R.      Hekk sewwa u xieraq.

 

Sewwa u xieraq tassew,

tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna

li dejjem u kullimkien irroddulek ħajr,

Mulej, Missier qaddis, Alla ta’ dejjem li tista’ kollox.

 

Int ħarist lill-verġni mqaddsa Marija

minn kull tebgħa tad-dnub tan-nisel,

żejjintha bil-milja tal-grazzja tiegħek,

u ħejjejtha biex ikun jixirqilha tkun omm Ibnek;

fiha wrejt il-bidu tal-Knisja, l-għarusa tiegħu,

sabiħa, bla tikmix u bla tebgħa.

 

Hi, il-verġni l-aktar safja, kellha ġġib fid-dinja lil Ibnek,

il-Ħaruf bla ħtija li jneħħi d-dnubiet tagħna;

inti ħtartha fost kulħadd

biex tkun l-avukata tagħna quddiemek,

u tajtha lill-poplu tiegħek bħala xempju ta’ qdusija.

 

Għalhekk nissieħbu mal-qtajja’ tal-Anġli

u b’ferħ kbir infaħħruk u ntennulek:

 

Qaddis, Qaddis, Qaddis, Mulej, Alla tal-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek.

Hosanna fl-għola tas-smewwiet.

Imbierek min ġej f’isem il-Mulej.

Hosanna fl-għola tas-smewwiet.
 

ANTIFONA TAT-TQARBIN

Sar tieġ f’Kana tal-Galilija u omm Ġesù kienet hemm;

hemm għamel l-ewwel sinjal tiegħu u wera l-glorja tiegħu

u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

(ara Ġw 2,1; 11)

 

Jew

 

Mis-salib li fuqu kien imdendel,

Ġesù qal lid-dixxiplu li kien iħobb:

Hawn hi ommok.

(ara Ġw 19, 27)

 

TALBA TA’ WARA T-TQARBIN

Issa li tqarbinna, Mulej,

bir-rahan tal-fidwa u tal-ħajja,

fiċ-ċokon tagħna, nitolbuk,

biex il-Knisja tiegħek,

bil-għajnuna ta’ Marija, verġni u omm,

tgħallem il-Bxara t-tajba lill-ġnus kollha

u timla l-art bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Bi Kristu Sidna.
 

ŻJIEDA GĦAL-LEZZJONARJU

 

It-Tnejn fuq Għid il-Ħamsin

 

Marija Omm u Xbieha tal-Knisja

 

QARI I                                                          Ġen 3, 9-15.20

Omm il-ħajjin kollha.

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi                                                                 

 

F’dak iż-żmien, wara li Adam kiel mis-siġra,

9 il-Mulej Alla sejjaħlu u staqsieh:

“Fejn int?”

10 U dak wieġeb:

“Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għarwien, u nħbejt.”

U staqsieh:

11 “Min qallek li int għarwien?

Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek biex ma tikolx minnha?”

12 U wieġeb Adam:

“Il-mara li inti tajtni miegħi,

hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.”

13 U l-Mulej Alla qal lill-mara:

“X’inhu dan li għamilt?” 

U l-mara wieġbet:

“Is-serp qarraq bija, u jiena kilt.”

14 U l-Mulej Alla qal lis-serp:

“Talli għamilt dan, misħut int

fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi.

Għal żaqqek titkaxkar,

u t-trab tal-art tiekol il-jiem kollha ta’ ħajtek.

15 U jien inqajjem mibegħda

bejnek u bejn il-mara,

bejn in-nisel tiegħek u n-nisel tagħha,

u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.”

20 U Adam semma lil martu Eva

għax kienet omm il-ħajjin kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R.  Irroddu ħajr lil Alla.

 

Jew

 

QARI I                                                             Atti 1, 12-14

Kienu jżommu sħiħ fit-talb, flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli                                               

 

Wara li Ġesù tela s-sema

12 l-appostli reġgħu lura lejn Ġerusalemm

mill-għolja msejħa taż-Żebbuġ,

li hi ’l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt.

13 Xħin daħlu l-belt,

telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu.

Kienu: Pietru u Ġwanni,

Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas,

Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew,

u Xmun jgħidulu l-Imħeġġeġ,

u Ġuda bin Ġakbu.

14 U, magħqudin qalb waħda,

kienu jitolbu flimkien,

ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù,

u ma’ ħutu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R.    Irroddu ħajr lil Alla.

 

SALM RESPONSORJALI                                     86 (87) 1-2. 3 u 5.6-7

 

R.    (3) Ħwejjeġ sbieħ jingħadu dwarek o Belt ta’ Alla!

 

1Il-Mulej bena lil Sijon fuq l-għoljiet imqaddsa;

2 hu jħobb il-bibien tagħha

aktar mill-għamajjar kollha ta’ Ġakobb.  R.

 

3 O belt ta’ Alla, ħwejjeġ sbieħ hu jgħid fuqek:

5 U dwar Sijon jingħad:

“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!

U Alla l-Għoli nnifsu jwettaqha f’postha.”  R.

 

6 Jikteb il-Mulej fil-ktieb tal-popli:

“Dan twieled hemm!”

7 U jgħannu, huma u jiżfnu,

dawk kollha li jgħammru fik.  R.

 

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU

Hallelujah. R. Hallelujah

O Verġni hienja, li nissilt lill-Mulej;

O Omm imbierka tal-Knisja,

li tqawwi fina l-ispirtu tal-Iben tiegħek, Ġesù Kristu.

R. Hallelujah

 

EVANĠELJU                                                                        Ġw 19, 25-34

“Hawn hu Ibnek; hemm hi ommok.”

 

+   Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann                                   

 

F’dak iż-żmien

25 kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù

ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa,

u Marija ta’ Magdala.

26 Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu

u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha,

qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.”

27 Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.”

U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

28 Wara dan, Ġesù,

billi issa kien jaf li kollox kien mitmum,

biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!”

29 Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall;

huma xarrbu sponża bil-ħall,

waħħluha ma’ qasba tal-issopu,

u ressquhielu lejn ħalqu.

30 Kif Ġesù ħa l-ħall, qal:

“Kollox hu mitmum!”

Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

31 Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid,

il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt

l-iġsma jibqgħu fuq is-salib,

għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom.

Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom

u jneħħu l-iġsma.

32 Għalhekk ġew is-suldati

u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed

li kienu msallbin miegħu.

33 Iżda meta waslu għal Ġesù,

billi raw li kien ġa mejjet,

ma kisrulux riġlejh.

34 Madankollu, wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza,

u minnufih ħareġ demm u ilma.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R.   Tifħir lilek, Kristu.
 


 

ŻJIEDA GĦAL-LITURĠIJA TAS-SIGĦAT

It-Tnejn wara Għid il-Ħamsin

 

Marija Omm u Xbieha tal-Knisja

Tifkira (O)

 

It-titlu tal-Imqaddsa Marija Omm il-Knisja kellu l-bidu tiegħu meta twieled minnha Kristu, ir-Ras tal-Knisja, u hija saret omm il-mifdijin kollha qabel ma’ binha miet fuq is-Salib. Il-beatu Papa Pawlu VI ikkonferma dan it-titlu tagħha solennement fid-diskors li kien għamel lill-Isqfijiet fil-Konċilju Vatikan II fil-21 ta’ Novembru 1964 u ordna li għandha “tingħata dan il-ġieħ billi tissejjaħ b’dan l-isem ħelu li anki llum jintuża mill-poplu nisrani kollu”.

 

Mill-Komun tal-Madonna minbarra dan li ġej:

 

FL-UFFIĊĊJU TAL-QARI

 

INNU

Verġni mbierka omm qaddisa

omm tal-Iben, bint minn ħalqek;

l-isbaħ, l-ogħla, l-iktar umli

fost il-bnedmin kollha għamlek.

 

Sa mill-bidu fil-pjan t’Alla

fik inbeda t-twettiq tiegħu;

inti l-ġieħ, int l-aqwa fostna

int ġa m’Alla, f’għaqda miegħu.

 

Ħlejju, ġej minn nisel għoli

dak li l-belt bena bil-ħila

inti bħalu tmantni l-Knisja

b’qawwa kbira, lejh fidila.

 

Fil-ġuf tiegħek ta’ omm verġni

nar iħeġġeġ, nar ta’ mħabba

li bis-sħana tiegħu kabbar

ward fuq l-art bla xejn imtabba’.

 

Lill-Missier, lill-Iben glorja

lill-Ispirtu li ġej minnhom

li b’imħabba fdaw lill-Knisja

lil din l-omm maħtura minnhom.

  

IT-TIENI QARI

Mid-Diskors tal-Beatu Papa Pawlu VI meħud mill-atti tat-tielet sessjoni tal-Konċilju Vatikan II.

(21 ta’ Settembru 1964 AAS 56 [1964], 1015-1016)

 

Marija Omm il-Knisja

 

Waqt li nerġgħu naħsbu fuq ir-rabta li hemm bejn Marija u l-Knisja għall-glorja ta’ Marija Verġni u ta’ għajnuna għalina, niddikjarawha Omm il-Knisja, jiġifieri tal-poplu nisrani kollu, kemm tal-fidili kif ukoll tal-Isqfijiet, li jsejħulha omm l-aktar maħbuba; u nordnaw li minn issa ’l quddiem, aktar minn qabel, il-poplu nisrani kollu jagħti ġieħ ikbar lil Omm Alla u jersaq lejha bit-talb tiegħu.

 

L-aħwa venerabbli, qed nitkellmu dwar titlu li żgur kien magħruf fit-talb tal-insara; anzi l-fidili u l-Knisja kollha tħobb titlob lil Marija bħala Omm. Dan l-isem għandu l-bidu tiegħu fid-devozzjoni vera lejn Marija għaliex hija mibnija b’mod żgur fuq id-dinjità li ġiet mogħtija lil Marija għax hija Omm il-Verb ta’ Alla magħmul bniedem.

 

Fil-fatt, kif il-maternità divina hija l-kawża li minħabba fiha Marija għandha relazzjoni tassew waħdanija ma’ Kristu, u hija preżenti fl-opra tal-fidwa tal-bnedmin, imwettqa minn Kristu, hekk ukoll, ir-relazzjoni li teżisti bejn Marija u l-Knisja hija riżultat tal-maternità divina tagħha. Marija, hija Omm Kristu, u mill-mument li ħa fuqu n-natura tagħna l-bnedmin fil-ġuf verġinali tagħha, għaqqad miegħu, bħala l-Kap tal-Ġisem Mistiku, lill-Knisja. Għaldaqstant Marija, bħala Omm ta’ Kristu, għandha tiġi meqjusa wkoll, bħala Omm tal-fidili kollha u tal-Isqfijiet, jiġifieri tal-Knisja.

 

Din hija r-raġuni li aħna, mingħajr ma jistħoqqilna u dgħajfin, b’fiduċja u mimlijin b’imħabba ta’ ulied, nerfgħu ħarsitna lejha. Hi, li tatna lil Ġesù, għajn tal-grazzja sopranaturali, ma tistax ma twettaqx fil-Knisja l-maternità tagħha, speċjalment f’dan iż-żmien li fih l-Għarusa ta’ Kristu qed taħdem biex twettaq b’ħeġġa akbar il-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni.

 

Aħna wkoll ċerti mir-rabtiet stretti li jeżistu bejn din l-Omm tagħna tas-sema u l-umanità li jkabbru u jissiġillaw dejjem aktar din il-fiduċja. Għalkemm Marija ġiet imżejna minn Alla b’doni l-aktar ġenerużi u tal-għaġeb, biex jixirqilha tkun l-Omm tal-Verb Inkarnat, hija madankollu tibqa’ qrib tagħna. Bħalna, hija wkoll bint Adam, u għalhekk oħtna, għaliex għandha l-istess natura umana; bil-merti futuri ta’ Kristu ġiet meħlusa mid-dnub tan-nisel, iżda mad-doni divini li rċeviet żiedet, hi stess, il-fidi perfetta tagħha, tant li stħaqqilha t-tifħir evanġeliku: “Imbierka int li emmint”.

 

Fil-ħajja tagħha fuq din l-art, uriet li hija dixxiplu perfetta ta’ Kristu, kienet mera ta’ kull virtù, u l-imġieba tagħha kienet tirrifletti bis-sħiħ dawk il-beatitudnijiet imxandra minn Kristu. Għalhekk il-Knisja kollha, waqt li tispjega l-ħajja tagħha u l-attività sfieqa tagħha, għandha żżomm lill-Verġni Omm Alla, bħala eżempju li fuqu għandna nimxu biex nimitaw perfettament lil Kristu.

 

RESPONSORJU                                                                       ara Lq 1,35

℣.    L-Ispirtu s-Santu ġie fuq Marija * il-qawwa tal-Għoli xeħtet id-dell tagħha fuqha.

 

℟.    Hija kienet msieħba fil-passjoni ta’ binha, u bil-qawwa tal-Għoli saret Omm ta’ dak li tana l-fidwa * il-qawwa tal-Għoli xeħtet id-dell tagħha fuqha.

TALBA

O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.


 

 

FIT-TIFĦIR TAL-JUM

 

INNU

Għax int kewkba tal-imħabba

tiddi w tilma fis-smewwiet,

int għalina l-aqwa tama

f’tmiem il-ħajja, hawn f’dal-wied.

 

Inti l-aqwa Sidt imwielda

f’qalb is-Sid, l-Iben qaddis;

min minn qalbu jdur lejk f’talbu

mill-għajn jixrob tat-tqaddis.

 

Inti dejjem u minn qalbek

tisma’ l-ilħna tal-ulied;

x’ħin fl-hemm tagħhom lejk iduru

bit-talb tagħhom, bix-xewqiet.

 

Fik hemm tgħammar l-aqwa ħniena,
hemm il-kobor tas-smewwiet,
it-teżor tat-tjieba f’qalbek,
inti l-aqwa mill-ħlejqiet.

 

Lill-Missier u lill-Ispirtu

u lil Ibnek insebbħuh;

Alla għażlek b’omm il-Knisja

glorja lilu w ġieħ nagħtuh.

 

ANTIFONA TAL-KANTIKU TA’ ŻAKKARIJA

Id-dixxipli kienu ħaġa waħda, jżommu sħiħ fit-talb, flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù.


TALBA

O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.

 

  

FIL-GĦASAR

 

INNU

Verġni mqaddsa, omm il-Knisja,

dejjem bieb miftuħ tas-sema;

quddiem Ibnek kun kenn tagħna,

talbek lill-Missier jinstema’.

 

Omm glorjuża t’Alla l-għoli,

aħna nfakkru dal-ġieħ tiegħek;

minnek twieled Iben Alla

għalin’itlob, żommna miegħek.

 

Dawl fiddien, tal-baħar kewkba,

omm qaddisa, omm reġina,

itlob lill-Missier u l-Iben,

biex l-Ispirtu s-Santu jtina.

 

Verġni twajba, omm ħanina

verġni ħelwa, O Marija

isma’ talb kull wieħed minna

f’dat-tifħir ta’ filgħaxija.

 

Ħu t-talb tagħna quddiem ibnek

hu l-imsallab, hu li bata;

li għalina ġie imsawwat,

bix-xewk rasu nkurunata.

 

Kbira omm sultan is-slaten,

dawl u bieb tal-ogħla sema,

midinbin inxerrdu dmugħna

ħa l-krib tagħna fis jinstema.

 

Glorja w ġieħ lill-Missier tagħna

lill-Ispirtu, ’l-Iben ġufek

li għażluk bħal Omm tal-Knisja,

isma’ t-talb li qed noffrulek.

 

ANTIFONA TAL-KANTIKU TA’ MARIJA

Il-Mulej qal lil ommu: Mara, hawn hu ibnek. U lid-dixxiplu qallu: Hawn hi ommok.

 

TALBA

O Alla, Missier il-ħniena, Ibnek il-waħdieni, fuq is-salib, tana lil Ommu, il-Verġni Mqaddsa Marija bħala Ommna; agħmel, nitolbuk, li, bil-għajnuna tal-imħabba tagħha, il-Knisja tiegħek, hi u tifraħ bil-qdusija ta’ wliedha, tiġbor dejjem fi ħdanha l-familji kollha tal-ġnus. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.