1 ta’ Mejju
San
Ġużepp Ħaddiem
Tifkira Obbligatorja
Qari I
Ġen 1: 26-2, 3
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Alla qal:
“Nagħmlu l-bniedem skond ix-xbieha tagħna, bħalna, biex
jaħkem fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr tal-ajru, fuq
il-bhejjem tad-dar, fuq l-annimali selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li
jitkaxkru ma’ l-art.” U Alla ħalaq il-bniedem skond ix-xbieha tiegħu;
iva, skond ix-xbieha ta’ Alla ħalaqhom, u għamilhom raġel
u mara.
U berikom Alla, u qalilhom: “Nisslu u kattru u imlew l-art, u aħkmu
fuqha, u saltnu fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tajr tal-ajru, u fuq
il-ħlejjaq kollha li jitkaxkru ma’ l-art.” U Alla qal: “Ara, tajtkom
il-ħaxix kollu li jagħmel iż-żerriegħa fuq l-art
kollha, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott
biż-żerriegħa; dan kollu tajtulkom biex tieklu minnu. U
lill-bhejjem kollha selvaġġi, u t-tajr kollu ta’l-ajru, u
l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru mal-art li fihom nifs il-ħajja, lilhom
tajthom il-ħaxix aħdar kollu biex jieklu minnu.” U hekk sar.
U Alla ħares lejn kull ma għamel, u ra li kollox kien sew
ħafna. U dalam u sebaħ, is-sitt jum u tlestew is-sema u l-art
bit-tiżjin tagħhom. U fis-seba’ jum Alla temm il-biċċa
xogħol li għamel, u waqaf mill-ħidma tiegħu. U Alla bierek
is-seba’ jum u qaddsu, għax fih waqaf mix-xogħol kollu li kien
għamel meta ħalaq kollox.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Jew
Kol 3, 14-15. 17. 23-24
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Kolossin
Ħuti:
Fuq kollox ilbsu
l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu
jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru
ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla. Kull ma
tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u
roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.
Kull ma tagħmlu,
agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin,
għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja għalikom
il-Mulej bħala wirt. Aqdu lil Kristu Sidna.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 89, 2-4. 12. 1. 16
R/. Wettaq
xogħol idejna Mulej.
Qabel ma twieldu
l-muntanji,
qabel ma tnisslu l-art u d-dinja,
minn dejjem int, o Alla. R/.
Int treġġa’ l-bniedem lejn it-trab,
u tgħid: “Erġgħu lura, ulied il-bniedem.
Elf sena huma f’għajnejk
bħall-jum tal-bieraħ li għadda, jew bħal sahra ta’
lejl. R/.
Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
biex hekk nimxu b’moħħ għaqli,
dur lejna, Mulej.
Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.
Imliena malajr bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew tul jiemna kollha,
ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja
tiegħek,
u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom. R/.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Hallelujah R/. Hallelujah
Imbierek il-Mulej
minn jum
għal jum;
jieħu ħsiebna Alla tal-ħelsien tagħna.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mt 13, 54-56
Qari mill-Evanġelju skont San
Mattew
F’dak iż-żmien: Ġesù ġie f’pajjiżu, u
daħal jgħallem in-nies fis-sinagoga tagħhom; tant
għaġġibhom li bdew jgħidu: “Mnejn kisbu dan il-għerf u
dawn l-għeġubijiet? Dan mhuwiex bin il-mastrudaxxa? Ommu mhijiex dik
li jisimha Marija, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u
Ġuda? U ħutu l-bniet mhux kollha fostna qegħdin? Mela mnejn
kisbu dan kollu?” U tfixklu minħabba fih.
Imma Ġesù qalilhom: “M’hemmx profeta li mhuwiex imweġġah,
jekk mhux f’pajjiżu u f’daru stess.” U ma għamilx ħafna mirakli
hemmhekk minħabba fin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.