Stampa t-test tal-qari ...


It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Ebda ħliqa ma tista’ qatt tifridna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

Rum 8, 31b-39

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Għeżież, Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna? Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom. Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina! Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla? Bħalma hu miktub:

“Minħabba fik il-jum kollu

jikkundannawna għall-mewt;

jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla”.

 

Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna. Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 108 (109), 21-22.26-27.30-31

 

R/. (26b): Salvani, Mulej, fit-tieba tiegħek

 

Int, Mulej Sidi,

aqbeż għalija f’ġieħ ismek,

eħlisni fil-ħniena u t-tieba tiegħek.

Għax jiena msejken u fqajjar,

u qalbi muġugħa ġewwa fija. R/.

 

Għinni, Mulej, Alla tiegħi;

salvani fit-tieba tiegħek.

Ħa jagħraf li dan hu għemil tiegħek,

li dan, Mulej, int għamiltu. R/.

 

Niżżi ħajr ħafna lill-Mulej,

f’ġemgħa kbira ta’ nies infaħħru.

Għax hu joqgħod fuq il-lemin tal-fqajjar,

biex isalvah minn dawk li jaqtgħuhielu għall-mewt. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 19, 38

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Imbierek is-Sultan, li ġej f’isem il-Mulej!

Sliem fis-sema, u glorja fil-għoli tas-smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm.

Lq 13, 31-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Dak il-ħin stess resqu fuq Ġesù xi Fariżej u qalulu: “Mur, itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok”. U hu qalilhom: “Morru għidulu lil dak il-volpi: “Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi. Madankollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm”.

 

Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!

 

Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li m’intomx se terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!””.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu