Stampa t-test tal-qari ...


Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd.

1 Tess 3, 7-13

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Ħuti, aħna għamilna l-qalb, minħabba fikom u l-fidi tagħkom, fin-niket u t-tbatijiet tagħna. Issa ngħixu għax intom sħaħ fil-Mulej. Kif nistgħu niżżu ħajr lil Alla għal dan il-ferħ kollu li għandna minħabba fikom quddiem Alla tagħna! Lejl u nhar nitlob fuq li nitlob biex nara lil wiċċkom u ntemm kulma jonqos fil-fidi tagħkom. Mhux li kienu Alla nnifsu, Missierna, u Sidna Ġesù Kristu jwittulna t-triq għal għandkom!

 

Jalla l-Mulej ikattrilkom u jfawwarkom bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd, l-istess bħalma aħna nħobbu lilkom, ħalli jqawwilkom qalbkom u jkollkom qdusija bla għajb quddiem Alla, Missierna, għal meta jiġi Sidna Ġesù mdawwar bil-qaddisin tiegħu!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 89 (90), 3-4.12-13.14 u 17

 

R/. (14): Imliena, Mulej, bit-tieba tiegħek

 

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin”.

Elf sena huma għalik

bħal jum tal-bieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl. R/.

 

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.

 

Imliena kmieni bit-tieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,

wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 24, 42a.44

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ishru u kunu lesti,

għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa

li fiha jiġi Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kunu lesti.

Mt 24, 42-51

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem. Intom min tgħidu li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq niesu biex jagħtihom jieklu fil-ħin? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jaqdi dmiru. Tassew, ngħidilkom, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

 

Iżda jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f’qalbu: “Sidi jiddawwar ma jiġi”, u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi, sid dak il-qaddej jasal f’jum li hu ma jkunx

jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih li ħaqqhom in-nies ta’ wiċċ b’ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu