Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Aħna ħaddiema ma’ Alla; u intom l-għalqa ta’ Alla, intom il-bini ta’ Alla.

1 Kor 3, 1-9

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Jien, ħuti, ma stajtx inkellimkom bħala nies spiritwali, iżda bħala nies tad-demm u l-laħam, bħal trabi fi Kristu. Ħalib sqejtkom, mhux ikel, għax ma kontux tifilħu għalih, u lanqas issa ma tistgħu għalih, għaliex għadkom tgħixu skont il-ġisem, la darba fostkom għad hemm l-għejra u l-ġlied. Ma għadkomx forsi tgħixu skont il-ġisem, u ma għadkomx timxu ta’ bnedmin meta hemm fostkom min jgħid: “Jien ta’ Pawlu”, u ieħor: “Jien ta’ Apollo”? M’intomx taħsbuha ta’ bnedmin? U min hu Apollo? Min hu Pawlu? Huma l-ministri li permezz tagħhom intom emmintu u kull wieħed minnhom skont ma tah il-Mulej.

 

Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar. Għalhekk, la min ħawwel ma hu xejn, u la min saqqa; imma Alla, li kabbar. Xorta waħda huma dak li ħawwel u dak li saqqa; kull wieħed jieħu l-ħlas li ħaqqu skont ma ħadem. Aħna ħaddiema ma’ Alla; u intom l-għalqa ta’ Alla, intom il-bini ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 32 (33), 12-13.14-15.20-21

 

R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu

 

Hieni l-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu,

il-poplu li hu għażel b’wirtu.

Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej,

u jara l-bnedmin kollha. R/.

 

Mill-post fejn jgħammar

jistħarreġ fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art.

Hu jsawwar il-qalb ta’ kull wieħed,

u jagħraf għemilhom kollu. R/.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Fih jinsab l-hena ta’ qalbna,

fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.

Lq 4, 38-44

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta’ Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha. Resaq fuqha, ordna lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom.

 

Hija u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x’kien il-mard tagħhom, ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom. Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajtu u jgħidu: “Inti Bin Alla!” Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija.

 

Meta sebaħ, ħareġ u mar f’post imwarrab. In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom. Iżda hu qalilhom: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut”. U kien jipprietka fis-sinagogi tal-Lhudija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu