Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Raw lil Mosè bil-ġilda ta’ wiċċu tiddi u beżgħu jersqu lejh.

Eżodu 34, 29-35

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

Meta Mosè niżel minn fuq il-muntanja tas-Sinaj biż-żewġ twavel tax-xhieda f’idu, hu ma kienx jaf li l-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejh Alla.

 

U meta Aron, u l-ulied kollha ta’ Iżrael raw lil Mosè bil-ġilda ta’ wiċċu tiddi, beżgħu jersqu lejh. Iżda Mosè sejħilhom, u resqu lejh Aron u l-kbarat kollha tal-ġemgħa, u Mosè qagħad ikellimhom.

 

Imbagħad resqu wkoll l-ulied kollha ta’ Iżrael, u Mosè ordnalhom kulma kien qallu l-Mulej fuq il-muntanja tas-Sinaj. Meta Mosè temm jitkellem magħhom, għatta wiċċu b’velu. Imma meta kien jidħol quddiem il-Mulej biex jitkellem miegħu, Mosè kien ineħħi l-velu sa ma kien joħroġ. Meta mbagħad kien joħroġ, kien jgħid lil ulied Iżrael kulma kien ordnalu l-Mulej.

 

Meta wlied Iżrael kienu jħarsu lejn Mosè, kienu jarawlu l-ġilda ta’ wiċċu tiddi, u Mosè kien jerġa’ jqiegħed il-velu fuq wiċċu sa ma jerġa’ jidħol jitkellem mal-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 98 (99), 5.6.7.9

 

R/. (ara 9ċ): Qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,

inxteħtu quddiem mirfes riġlejh,

għax hu qaddis! R/.

 

Mosè u Aron fost il-qassisin tiegħu,

u Samwel fost dawk li jsejħu ismu,

kienu jsejħu l-Mulej, u hu jweġibhom. R/.

 

F’kolonna ta’ sħab kien jitkellem magħhom;

kienu jħarsu l-preċetti

u l-liġi li tahom. R/.

 

Għollu bit-tifħir lill-Mulej, Alla tagħna,

u inxteħtu quddiem l-għolja mqaddsa tiegħu;

għax qaddis hu l-Mulej, Alla tagħna! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 15b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Sejjaħtilkom ħbieb, jgħid il-Mulej

għaliex kulma smajt mingħand Missieri

jiena għarrafthulkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

Mt 13, 44-46

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kulma jkollu u jixtri dik l-għalqa. Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kulma kellu u xtara lilha”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu