Stampa t-test tal-qari ...


31 ta’ Mejju

Iż-Żjara tal-Imqaddsa Verġni Marija

Festa

 

Qari I

Sof 3: 14-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija

 

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, Israel, semma’ leħnek! Infexx fil-hena u ifraħ b’qalbek kollha, ja bint Ġerusalemm!

 

Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontra tiegħek, keċċa l-għedewwa tiegħek. Is-Sultan t’Israel, il-Mulej, hu f’nofsok; ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’. Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm: Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu: Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fih f’għajat ta’ ferħ, bħalikieku f’jum ta’ festa. Il-ħsara nwarrab minnek, biex ma tibqax mgħobbija bil-għajb tagħha.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

12

 

R/. Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel!

 

Alla hu s-salvazzjoni tiegħi;

jiena nittama u ma nibżax,

għax il-qawwa u l-għana tiegħi hu l-Mulej;

hu s-salvazzjoni tiegħi.

Kollkom ferħana, timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. R/.

 

Għannu lill-Mulej, sejħu lil ismu,

għarrfu lill-ġnus l-għeġubijiet tiegħu,

xandru li ismu huwa fil-għoli. R/.

 

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar; 

ħa jkun dan magħruf min-nies kollha tal-art.

Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon,

għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Israel. R/.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

Lq 1: 45

 

R/. Hallelujah

Hienja int, Verġni Marija, għax emmint li jseħħ

dak kollu li l-Mulej bagħat jgħidlek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Lq 1: 39-56

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax, ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”

 

Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja. Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred ’il dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu bħalma wiegħed ’il missirijietna b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

 

Marija baqgħet ma’ Eliżabetta għal xi tliet xhur, u mbagħad reġgħet lura lejn darha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.