Stampa t-test tal-qari ...


It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

B’fidi sħiħa nżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna u naraw kif nistgħu nħajru lil xulxin għall-imħabba.

Lhud 10, 19-25

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ladarba, ħuti, għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess; u ladarba għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed fuq il-familja ta’ Alla, ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi.

 

Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda. Naraw kif nistgħu nħajru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-Jum.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6

 

R/. (ara 6b): Aħna nfittxu ’l wiċċek, Mulej

 

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,

id-dinja u kulma jgħix fiha.

Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,

u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. R/.

 

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej?

Min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?

Min għandu jdejh indaf u qalbu safja,

min ma jagħtix ruħu għall-frugħa,

u anqas ma jaħlef bil-qerq. R/.

 

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,

u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.

Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;

li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 118 (119), 105

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek,

u dawl fil-mogħdija tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-musbieħ iġibuh biex iqegħduh fuq l-imnara.

Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom.

Mk 4, 21-25

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Jaqaw il-musbieħ iġibuh biex iqegħduh taħt is-siegħ jew taħt is-sodda? Mhux fuq l-imnara jqegħduh? Għax ma hemm xejn moħbi jekk mhux biex jingħaraf, u xejn ma hu mistur jekk mhux biex jinġieb għad-dawl. Jekk hawn min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”.

 

U qalilhom: “Oqogħdu attenti x’tisimgħu! Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom, u jingħatalkom iżjed ukoll. Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu