Stampa t-test tal-qari ...


Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Jien dnibt meta għamilt iċ-ċensiment. Imma dawn in-nagħaġ x’għamlu?

2 Sam 24, 2.9-17

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, is-sultan David qal lil Ġowab u lill-kmandanti tal-eżerċtu li kienu miegħu: “Morru duru mat-tribujiet kollha ta’ Iżrael, minn Dan sa Birsaba, u għoddu l-poplu, biex jien inkun naf l-għadd tal-poplu”.

 

U Ġowab ta lis-sultan l-għadd taċ-ċensiment tal-poplu, li kien ilaħħaq għal Iżrael tmien mitt elf raġel kapaċi jislet ix-xabla; u għal Ġuda ħames mitt elf raġel. Iżda wara ċ-ċensiment tal-poplu David ħass qalbu ttaqtaq, u qal lill-Mulej: “Dnibt bil-kbir b’li għamilt; issa, Mulej, neħħi nitolbok, dan il-ħażen tal-qaddej tiegħek, għax tbellaħt bil-bosta”.

 

Xħin David qam filgħodu, il-Mulej kellem lil Gad il-profeta, il-veġġent ta’ David, u qallu:Mur u għid lil David: Dan jgħid il-Mulej: “Tliet ħwejjeġ inqegħedlek quddiemek; agħżel waħda minnhom u jien nagħmilhielek”.

 

U Gad mar għand David u ħabbarlu u qallu: “Trid int li jiġuk tliet snin ta’ għaks fuq l-art? Jew taħrab għal tliet xhur minn quddiem l-għadu tiegħek hu u jiġri warajk? Jonkella li jkun hemm tlitt ijiem pesta f’pajjiżek? Issa aħsibha u għidli x’għandi nwieġeb lil min bagħatni”. U David wieġeb lil Gad: “Inħossni f’diqa kbira: Ħalli naqa’ f’id il-Mulej, għax kbira l-ħniena tiegħu; imma ma rridx naqa’ f’idejn il-bnedmin!”.

 

U l-Mulej bagħat il-pesta f’Iżrael, minn filgħodu sal-ħin miftiehem, u mietu mill-poplu – minn Dan sa Birsaba – sebgħin elf ruħ. Meta l-anġlu kien sejjer imidd idu għal fuq Ġerusalemm biex jeqridha, il-Mulej sogħob bih mid-deni, u qal lill-anġlu li kien qiegħed jagħmel ħerba mill-poplu: “Biżżejjed! Żomm idek!”. Dak il-ħin l-anġlu tal-Mulej kien ħdejn il-qiegħa ta’ Arawna, ilebusi. Xħin David lemaħ lill-anġlu jaħbat għan-nies kellem lill-Mulej u qallu: “Arani, jien dnibt, u jien għamilt id-deni! Imma dawn in-nagħaġ x’għamlu? Ħa tkun, nitolbok, idek fuqi, u fuq dar missieri!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 31 (32), 1-2.5.6.7

 

R/. (ara 5ċ): Aħfirli, Mulej, il-ħażen tiegħi

 

Hieni l-bniedem li ħtijietu maħfura,

li għandu d-dnub tiegħu mistur!

Hieni l-bniedem li ebda ħażen ma jgħoddlu l-Mulej,

u ma għandu ebda qerq f’qalbu! R/.

 

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,

u l-ħażen tiegħi ma ħbejthulekx.

Jien għedt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti”.

U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. R/.

 

Għalhekk kull min hu twajjeb

lilek jitlob fi żmien in-niket.

Jekk ifuru ilmijiet kotrana,

lilu qatt ma jilħquh. R/.

 

Int kenn għalija,

mit-taħbit tħarisni,

iddawwarni u tferraħni bil-ħelsien tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,

u jiena nagħrafhom, jgħid il-Mulej

u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu.

Mk 6, 1-6

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Ġesù mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu