Stampa t-test tal-qari ...


30 ta’ Novembru

Sant’Andrija, Appostlu

Festa

 

Qari I

Rum 10: 9-18

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani.

 

Jekk inti tistqarr b’fommok, ‘Ġesù hu l-Mulej,’ u temmen f’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustifikazzjoni, u jistqarr, b’xofftejh biex ikollu s-salvazzjoni.

 

L-Iskrittura tgħid, ‘Kull min jemmen fih ma jintilifx.’ Ma hemm ebda għażla bejn Lhudi u Grieg; hu s-Sid ta’ kulħadd, u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu. 

 

Għax ‘kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.’ Imma kif jistgħu jsejħu lil min ma emmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’min ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jippritkawlhomx? Kif jistgħu jippritkaw jekk ma jkunux mibgħuta?

 

Bħalma hemm miktub, ‘Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid!’ Iżda mhux kulħadd qagħad għall-kelma ta’ Kristu. Imma, ngħid jien, jaqaw ma semgħux? Żgur li semgħu. L-Iskrittura tgħid, ‘Leħinhom xtered mal-art kollha, u l-kelma tagħhom laħqet truf id-dinja.’

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 18

 

R/. Mal-art kollha jasal leħinhom!

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar,

lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif. R/.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem,

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Mal-art kollha jasal leħinhom,

mad-dinja kollha jinxtered kliemhom. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4: 19

 

R/. Hallelujah.

Il-Mulej jgħid: Ejjew warajja,

u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Mt 4: 18-22

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.

 

F’dak iż-żmien: Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, Ġesù lemaħ żewġ aħwa, Xmun, jgħidulu Pietru, u Indrì ħuh, qegħdin ikalaw ix-xbiek il-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”.

 

U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm, ra żewġ aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom, Żebedew, iħejju x-xbiek tagħhom; u sejħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u ’l missierhom, u marru warajh.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.