Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Hu tassew il-Mulej li bagħatni għandkom biex insemmgħalkom f’widnejkomdawn il- ħwejjeġ kollha.

Ġer 26, 11-16.24

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

F’dak iż-żmien, il-qassisin u l-profeti kellmu lill-kapijiet u lill-poplu kollu, u qalulhom: “Dan ir-raġel ħaqqu l-mewt, għax ħabbar kontra din il-belt, kif smajtuh b’widnejkom intom stess”. Iżda Ġeremija qal lill-qassisin u lill-poplu kollu: “Il-Mulej bagħatni nħabbar kontra dan it-tempju u l-belt il-ħwejjeġ kollha li smajtu. Issa, mela, sewwu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u agħtu widen għas-sejħa tal-Mulej, Alla tagħkom, u l-Mulej jindem mid-deni li qal kontra tagħkom. Ngħid għalija, arawni, ninsab f’idejkom: agħmlu bija dak li jidhrilkom tajjeb u sewwa. Imma kunu afu li, jekk intom toqtluni, tiċċappsu b’demm bla ħtija, intom u din il-belt u min jgħammar fiha, għax hu tassew il-Mulej li bagħatni għandkom biex insemmgħalkom f’widnejkom dawn il-ħwejjeġ kollha”. Imbagħad il-kapijiet u l-poplu kollu qalu lill-qassisin u l-profeti: “Dan ir-raġel ma ħaqqu xejn il-mewt għax hu kellimna f’isem il-Mulej Alla tagħna”. Iżda id Aħikam bin Safan, kienet ma’ Ġeremija biex ma jitilquhx f’idejn il-poplu u joqtluh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 68 (69), 15-16.30-31.33-34

 

R/. (ara 14): O Alla, fil-kobor ta’ tjubitek weġibni

Aqlagħni mill-ħama u ma nibqax nieżel;

ħarisni minn min jobgħodni

u eħlisni mill-ilma fond.

Tħallix iġorrni l-ilma,

jew jiblagħni d-dagħbien, u jingħalaq fuqi l-bir! R/.

 

Imma jiena msejken u batut;

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,

inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. R/.

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Erodi bagħat jaqta’ ras Ġwanni u d-dixxipli tiegħu marru jagħtu l-aħbar lil Ġesù.

Mt 14, 1-12

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Erodi t-tetrarka sama’ bil-fama ta’ Ġesù u lill-qaddejja tiegħu qalilhom: “Dan Ġwanni l-Battista! Iva, hu, qam mill-imwiet! U minħabba f’hekk il-qawwa tal-mirakli qiegħda taħdem fih!”. Għax Erodi kien arresta lil Ġwanni, u qaflu l-ħabs u ħallieh hemm minħabba Erodja, mart ħuh Filippu. Għax Ġwanni kien jgħidlu: “Inti lil dik ma tistax iżżommha!”. Ried kieku joqtlu, imma kien jibża’ min-nies, għax kienu jżommuh bi profeta. Mela wasal jum li fih Erodi għalaq sninu, u bint Erodja ħarġet fin-nofs tiżfen, u għoġbot lil Erodi; għalhekk wegħedha taħt ġurament li jagħtiha kulma titolbu. U hi, mogħwija minn ommha, qaltlu: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt”. Is-sultan tnikket, iżda minħabba l-ġurament li ħa u l-mistednin tiegħu ordna li tingħatalha. U bagħat jaqta’ ras Ġwanni fil-ħabs. U ġiebu rasu fuq platt u tawha lit-tfajla, u din ħaditha lil ommha. Imbagħad id-dixxipli tiegħu ġew, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh, u marru jagħtu l-aħbar lil Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu