Stampa t-test tal-qari ...


29 ta’ Diċembru

Il-Ħames Jum fost l-Ottava tal-Milied

 

Qari I

Min iħobb ’il ħuh, jgħammar fid-dawl.

1 Ġw 2, 3-11

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għeżież, b’dan nafu li nagħrfu ’l Ġesù: jekk inżommu l-kmandamenti tiegħu. Min jgħid: “Jiena naf”, u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità mhijiex fih. Iżda kull min iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha. B’dan nagħrfu li aħna fih. Min jgħid li qiegħed jgħammar fih, jeħtieġ li hu jgħix kif għex hu stess. Għeżież, m’iniex niktbilkom xi kmandament ġdid, imma kmandament qadim li kellkom sa mill-bidu. Il-kmandament il-qadim hi l-kelma li intom smajtu. Madankollu kmandament ġdid qiegħed niktbilkom, għax seħħ tassew fi Kristu u fikom, għax id-dlam għadda u d-dawl tassew ġa qiegħed jiddi. Min jgħid li qiegħed fid-dawl, u jobgħod ’il ħuh, għadu fid-dlam sa issa. Min iħobb ’il ħuh, jgħammar fid-dawl, u fih ma hemm ebda tfixkil. Iżda min jobgħod ’il ħuh, jinsab fid-dlam, jimxi fid-dlam, u ma jafx fejn hu sejjer, għax id-dlam għemielu għajnejh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 95 (96), 1-2a.2b-3.5b-6

 

R/. (11a): Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.

 

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.

 

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!

Ġmiel u sebħ huma quddiemu,

qawwa u sbuħija fis-santwarju tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 2, 32

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dawl biex idawwal il-ġnus.

Lq 2, 22-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej”, u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

 

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skont kelmtek,

għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek

li int ħejjejt għall-popli kollha,

dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael”.

 

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu