Stampa t-test tal-qari ...


28 ta’ Ottubru

San Xmun u San Ġuda, Appostli

Festa

 

Qari I

Efesin 2: 19-22

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti: Ma għadkomx aktar barranin u għorba, imma intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu Ġesù hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu, marbut sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll, fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 18

 

R/. Mal-art kollha jasal leħinhom!

 

Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

Jum lill-ieħor jagħti l-aħbar,

lejl lill-ieħor iwassal it-tagħrif. R/.

 

Ma hemmx aħbar u anqas kliem,

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

Mal-art kollha jasal leħinhom,

mad-dinja kollha jinxtered kliemhom. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

R/. Hallelujah.

Lilek, o Alla, infaħħru: lilek bħala Mulej nistqarru.

Lilek tfaħħar, Mulej, il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Lq 6: 12-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Darba fost l-oħrajn, Ġesù ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla. Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli: Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, Mattew, Tumas, Ġakbu ta’ Alfew, Xmun imlaqqam l-Imħeġġeġ, Ġuda ta’ Ġakbu, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

 

Imbagħad niżel magħhom u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti ħżiena kien ifiq; u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.