Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Huwa din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, saret xi għar tal-ħallelin f’għajnejkom?

Ġer 7, 1-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej:Mur oqgħod f’bieb it-tempju tal-Mulej u hemmhekk xandar din il-kelma u għid: Isimgħu l-kelma tal-Mulej, nies kollha ta’ Ġuda, intom li tidħlu minn dawn il-bibien biex tinxteħtu taduraw il-Mulej. Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Tejbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, u jiena nħallikom tgħixu f’dan il-post. Isserrħux raskom bi kliem qarrieq, u tgħidu: “Hawn hu t-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej, it-tempju tal-Mulej!”.

 

Għax jekk tassew ittejbu l-imġiba tagħkom u għemilkom, jekk tassew tagħmlu l-ġustizzja bejn bniedem u sieħbu, jekk ma taħqrux il-barrani, l-iltim u l-armla, u ma xxerrdux demm bla ħtija f’dan il-post, u ma tmorrux wara allat oħra bi ħsara għalikom stess, jiena nħallikom tgħixu f’dan il-post, fl-art li tajt lil missirijietkom minn dejjem għal dejjem. Imma intom isserrħu raskom bi kliem qarrieq u bla fejda; tisirqu, toqtlu, taqgħu fiż-żína, taħilfu fil-falz, taħarqu l-inċens quddiem Bagħal, tmorru wara allat oħra li ma tafuhomx, u mbagħad tiġu u tieqfu quddiemi f’din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, u tgħidu: “Aħna salvi”, mhux ħlief biex tissuktaw f’dawn l-għemejjel mistkerrha kollha. Huwa din id-dar li fuqha ssejjaħ ismi, saret xi għar tal-ħallelin f’għajnejkom? Araw, dan rajtu jiena nnifsi! Oraklu tal-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 83 (84), 3.4.5-6a u 8a.11

 

R/. (14a): Kemm hi għażiża d-dar tiegħek, Mulej tal-eżerċti!

 

Tixxennaq u tinfena ruħi għat-tempju tal-Mulej;

ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj R/.

Sal-għasfur isib fejn jgħammar,

u l-ħuttafa ssib il-bejta ħdejn l-altari tiegħek;

hemm hi tqiegħed iż-żgħar tagħha,

Mulej tal-eżerċti, Sultan u Alla tiegħi! R/.

 

Henjin dawk li jgħammru f’darek;

huma jfaħħruk għal dejjem.

Henjin dawk li jsibu fik il-qawwa tagħhom,

jimxu u aktar jissaħħu. R/.

 

Għax jum wieħed fit-tempju tiegħek

aħjar minn elf jum f’post ieħor;

aħjar noqgħod fuq l-għatba ta’ dar Alla tiegħi

milli ngħammar fit-tined tal-ħżiena. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġak 1, 21bċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ilqgħu bil-ħlewwa l-Kelma mħawla fikom,

li tista’ ssalvalkom ruħkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad.

Mt 13, 24-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù ġab parabbola oħra lill-folla u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”. Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi!”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. Qalilhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu