Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Il-liġi ġiet mogħtija permezz ta’ Mosè.
Eżodu 20, 1-17
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Alla kellimhom u qalilhom dan kollu: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, minn dar il-jasar. Ma jkollokx allat oħra għajri. La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: la tadurahomx għaliex jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur, li npatti l-ħażen tal-missirijiet fuq l-ulied sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni lil dawk li jobogħduni; imma nagħder sa l-elf nisel lil min iħobbni u jżomm il-kmandamenti tiegħi. La ssemmix l-isem tal-Mulej, Alla tiegħek, fix-xejn: għaliex lil min isemmi l-isem tiegħu fix-xejn, il-Mulej ma jħallihx bla kastig. Ftakar f’jum is-Sibt u qaddsu. Sitt ijiem taħdem u tagħmel kulma għandek tagħmel; imma s-seba’ jum hu jum il-mistrieħ f’ġieħ il-Mulej, Alla tiegħek. Dan il-jum ma tagħmel ebda xogħol, int, ibnek, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-bhejjem tiegħek, u l-barrani li jkun ġewwa bwiebek. Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel is-smewwiet u l-art; il-baħar u kulma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum. Għalhekk il-Mulej bierek is-seba’ jum u qaddsu.
Weġġaħ lil missierek u lil ommok, sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.
La toqtolx.
La tagħmilx adulterju.
La tisraqx.
La tagħtix xhieda giddieba kontra għajrek.
La tixtieqx dar għajrek: la tixtieqx il-mara ta’ għajrek, il-qaddej jew il-qaddejja tiegħu, l-għoġol jew il-ħmar tiegħu, u xejn minn kulma għandu għajrek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 18 (19), 8.9.10.11
R/. (Ġw 6, 68ċ): Mulej, int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem
Il-liġi tal-Mulej perfetta,
u tagħti l-ħajja;
ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa,
u tgħallem lil min ma jafx. R/.
Il-preċetti tal-Mulej dritti,
u jferrħu l-qalb;
il-kmandament tal-Mulej safi,
u jdawwal l-għajnejn. R/.
Il-biża’ tal-Mulej sinċier,
u jibqa’ għal dejjem;
il-ġudizzji tal-Mulej sewwa,
u mseddqa għalkollox. R/.
Egħżeż mid-deheb,
mid-deheb l-aktar fin,
oħla mill-għasel
u mill-qtar tax-xehda. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Lq 8, 15
Hallelujah. R/. Hallelujah
Henjin dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla b’qalb tajba u sinċiera,
jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Dak li jisma’ l-Kelma u jifhimha; hu jagħmel il-frott.
Mt 13, 18-23
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-Kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ, imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-Kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-Kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-Kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.
Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-Kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu