Stampa t-test tal-qari ...


Is-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Toqgħodx tistenna biex iddur lejn il-Mulej.

Sir 5, 1-10 (gr. 1-8)

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

Isserraħx fuq il-ġid li għandek,

u tgħidx: “Dan biżżejjed għalija”.

Tħallix il-ġibdiet u saħħtek imexxuk huma,

biex timxi wara dak li tixtieq qalbek.

U tgħidx: “Min jista’ għalija?”

għax il-Mulej żgur jitħallas minnek.

Tgħidx: “Dnibt! B’daqshekk xi ġrali?”

għax il-Mulej idum biex jagħdab.

La sserraħx rasek mill-maħfra,

hekk li żżid dnub fuq ieħor.

U tgħidx: “Il-ħniena tiegħu kbira;

jaħfirli l-kotra ta’ dnubiet”;

għax kemm il-ħniena u kemm l-għadab huma tiegħu,

imma fuq il-midinbin iniżżel l-għadab.

Toqgħodx tistenna biex iddur lejn il-Mulej,

u tħallix minn jum għal ieħor,

għax ħin bla waqt jasal għadab il-Mulej,

u meta jiġi biex jitħallas minnek, tintilef għalkollox.

Isserraħx fuq ġid li qlajt bil-qerq,

għax xejn ma jkun jiswielek fi żmien l-għawġ.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 1, 1-2.3.4 u 6

 

R/. (Salm 39 (40), 5a): Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu

 

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

 

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

 

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 1 Tess 2, 13

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ilqgħu l-kelma ta’ Alla, mhux bħala kelma ta’ bniedem,

iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern.

Mk 9, 41-50

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu. Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar.

 

U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex. Għax kulħadd ikun immellaħ bin-nar. Tajjeb il-melħ; iżda jekk il-melħ jaqta’, biex terġgħu tagħtuh it-togħma tiegħu? Fittxu li jkollkom melħ fikom infuskom u li tgħixu fis-sliem bejnietkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu