Stampa t-test tal-qari ...


It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Kien iħares ’il quddiem lejn il-belt li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

Lhud 11, 1-2.8-19

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi. Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.

 

Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

 

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.

 

Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu barranin u għorba fuq l-art. Tabilħaqq, dawk li jitkellmu b’dan il-mod juru ċar li huma qegħdin ifittxu pajjiż għalihom.

 

Li kieku kellhom fi ħsiebhom il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex jerġgħu lura fih. Imma issa huma jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema. Huwa għalhekk li Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu ħejja belt għalihom.

 

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”. Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Lq 1, 69-70.71-72.73-75

 

R/. (ara 68): Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael,

għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu

 

Hu waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni

f’dar David qaddej tiegħu,

bħalma wiegħed fl-imgħoddi

b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu. R/.

 

Hu jsalvana mill-għedewwa tagħna,

u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.

B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna

u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu. R/.

 

Hu jiftakar fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna:

li jagħtina l-grazzja

li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna,

naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha,

bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu, ħajjitna kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 3, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,

biex kull min jemmen fih ma jintilifx,

iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?

Mk 4, 35-41

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Dakinhar, xħin sar filgħaxija Ġesù qal lid-dixxipli: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra. U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajjmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

 

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu