Stampa t-test tal-qari ...


Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma wkoll ħajjitna stess.

1 Tess 2, 1-8

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Intom tafu, ħuti, li l-miġja tagħna fostkom ma kinitx għal xejn. Għalkemm aħna, bħalma tafu, batejna u żebilħuna f’Filippi qabel ma ġejna għandkom, imma għamilna l-qalb f’Alla tagħna, u fost ħafna taħbit xandarnielkom l-Evanġelju ta’ Alla.

 

Il-kliem ta’ tħeġġiġ tagħna lilkom la hu ħiereġ mill-għelt, la mill-wiċċ b’ieħor, u lanqas mill-qerq. Aħna nxandru l-Evanġelju skont ma konna mġarrbin minn Alla qabel ma fdahulna f’idejna; u nfittxu li nogħġbu mhux lill-bnedmin imma lil Alla li jġarrab qlubna.

 

Kif tafu intom, aħna ma ġejniex inżiegħlu bikom bil-kliem, anqas ma kellna xi ħsieb ta’ regħba, kif jista’ jixhed Alla. Aħna ma fittixniex il-glorja tal-bnedmin, la mingħandkom u lanqas mingħand ħaddieħor, għad li stajna nippretendu ħafna mingħandkom bħala Appostli ta’ Kristu. Imma ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm tradda’ tħaddan lil uliedha. Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 138 (139), 1-3.4-6

 

R/. (1): Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

 

Inkun għadni anqas lissint il-kelma,

meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.

Dawramejt inti tħaddanni,

u tqegħedli idek fuqi.

L-għerf tiegħek tal-għaġeb,

ma nwassalx għalih; għoli wisq,

u ma nlaħħaqx miegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,

tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra.

Mt 23, 23-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù waqt li kien qed jitkellem qal: “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-busbies u l-kemmun, u mbagħad tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità! Dawn kien imisskom tagħmlu, bla ma tħallu l-oħrajn barra, ja mexxejja għomja, li ma tħallux nemusa tgħaddi mill-passatur, biex imbagħad tibilgħu ġemel! Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, waqt li minn ġewwa jkunu mimlija bi frott is-serq u r-regħba! Fariżew agħma, it-tazza l-ewwel naddafha minn ġewwa, biex imbagħad tkun nadifa minn barra wkoll!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu