Stampa t-test tal-qari ...


Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

L-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom, u intom fih.

2 Tess 1, 1-5.11b-12

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja tat-Tessalonikin li hi f’Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu. Il-grazzja u s-sliem lilkom minn Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu. Aħna għandna dejjem niżżu ħajr lil Alla, ħuti, minħabba fikom, u hekk jixraq, għax il-fidi tagħkom qiegħda tikber fuq li tikber, u qiegħda toktor fostkom ilkoll l-imħabba li kull wieħed minnkom għandu għall-ieħor. Għalhekk aħna stess niftaħru bikom fil-knejjes ta’ Alla għas-sabar tagħkom u għall-fidi tagħkom fil-persekuzzjonijiet u t-tbatijiet kollha li intom għaddejjin minnhom. Minn dan jidher il-ħaqq ġust ta’ Alla, ħalli b’hekk tkun tixirqilkom is-Saltna ta’ Alla, li minħabba fiha qegħdin tbatu.

 

Għalhekk aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom għall-ġid u kull ħidma tal-fidi tagħkom. U hekk l-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu jkun igglorifikat fikom, u intom fih, skont il-grazzja ta’ Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 95 (96), 1-2a,2b-3.4-5

 

R/. (3): Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.

 

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.

 

Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,

tal-biża’ aktar mill-allat kollha.

Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;

Jaħweh hu li għamel is-smewwiet! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħażin għalikom, mexxejja għomja.

Mt 23, 13-22

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù beda jitkellem u jgħid: “Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tagħlqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin, u la intom ma tidħlu fiha u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol! Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom taqsmu l-ibħra u dduru d-dinja kollha biex iddawru bniedem għar-reliġjon tagħkom, u meta tiġbduh għal magħkom tagħmluh bniedem ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnkom!

 

Ħażin għalikom, mexxejja għomja! Intom tgħidu: “Jekk wieħed jaħlef bis-santwarju, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bid-deheb tas-santwarju, ikollu jrodd”. Boloh u għomja! X’inhu l-aqwa? Id-deheb, jew is-santwarju li jqaddes id-deheb? Tgħidu wkoll: “Jekk wieħed jaħlef bl-altar, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bl-offerta ta’ fuq l-altar, ikollu jrodd”. Ja għomja! X’inhu l-aqwa? L-offerta, jew l-altar li jqaddes l-offerta? Mela min jaħlef bl-altar ikun jaħlef kemm bl-altar u kemm b’li jkun hemm fuqu; u min jaħlef bis-santwarju jkun jaħlef kemm bis-santwarju u kemm b’min jgħammar fih; u min jaħlef fuq is-sema jkun jaħlef kemm bit-tron ta’ Alla u kemm b’dak li hemm fuqu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu