Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Nagħtikom rgħajja għal qalbi: f’Ġerusalemm jinġabru l-ġnus kollha.

Ġer 3, 14-17

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Erġgħu lura, ulied ribelli, oraklu tal-Mulej, għax jiena Sidkom. U neħodkom, wieħed minn belt u tnejn minn kull familja, u ndaħħalkom f’Sijon. U nagħtikom rgħajja għal qalbi, li jirgħu bl-għerf u l-għaqal. Meta intom toktru u tnisslu fuq l-art f’dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej, ħadd ma jitkellem aktar fuq l-arka tal-patt tal-Mulej, ma jaħsibx aktar fuqha, u ma jiftakarx fiha, ma jibkuhiex, u ma jagħmlux oħra. F’dak iż-żmien isejħul Ġerusalemm: “It-tron tal-Mulej”, u jinġabru fiha l-ġnus kollha għal isem il-Mulej, u ma jimxux aktar mal-ebusija ta’ qalbhom il-ħażina.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Ġer 31, 10.11-12ab.13

 

R/. (ara 10d): Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu

 

Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,

xandruhal bogħod fil-gżejjer: u għidu:

“Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,

u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu”. R/.

 

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,

ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.

Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta’ Sijon,

u wiċċhom jiddi minħabba t-tieba tal-Mulej. R/.

 

Imbagħad jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,

jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ.

“Jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena,

infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 8, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla b’qalb tajba u sinċiera,

jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dak li jisma’ l-Kelma u jifhimha, hu jagħmel il-frott.

Mt 13, 18-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-Kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ, imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-Kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-Kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-Kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-Kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu