Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Ħagar wildet iben lil Abram, u Abram semma t-tifel Ismagħel.

Ġen 16, 1-12.15-16

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

Saraj, mart Abram, ma wilditlux tfal; u kellha qaddejja Eġizzjana jisimha Ħagar. U Saraj qalet lil Abram: “Ara, il-Mulej ma tanix li niled. Ersaq lejn il-qaddejja tiegħi, forsi jkolli tfal minnha”. U Abram sama’ minn kliem Saraj. U Saraj mart Abram qabdet lil Ħagar, il-qaddejja Eġizzjana tagħha, għaxar snin wara li Abram kien ilu jgħammar f’Kangħan, u tatha lil Abram żewġha b’martu.

 

U Abram resaq lejn Ħagar, u din tqalet, u malli ntebħet li tqalet, lil sidtha ma stmathiex aktar. U Saraj qalet lil Abram: “Int taħti għal għajbi! Jiena tajtek il-qaddejja tiegħi fi ħdanek, u issa, għax rat li tqalet, mhijiex tistmani aktar. Ħa jagħmel ħaqq il-Mulej bejni u bejnek!”. U Abram wieġeb lil Saraj: “Ara l-qaddejja tiegħek f’idejk, agħmlilha li jidhirlek li hu sewwa”.

 

Saraj għakksitha, u l-oħra ħarbet minn quddiem għajnejha. U sabha l-anġlu tal-Mulej ħdejn għajn tal-ilma fid-deżert, l-għajn li hemm fit-triq ta’ Sur. U qalilha: “Ħagar, qaddejja ta’ Saraj, mnejn ġejja, u fejn int sejra?”. U hi wieġbet: “Jiena ħrabt minn quddiem sidti Saraj”.

 

U weġibha l-anġlu tal-Mulej: “Erġa’ lura lejn sidtek, u oqgħod għaliha”. U żied jgħidilha l-anġlu tal-Mulej: “Jien inkattar fuq li nkattar lil nislek, u ma jingħaddx għall-kotra”. U kompla jgħidilha l-anġlu tal-Mulej: “Arak, int tqila u tiled iben, u ssejjaħlu Ismagħel. Għax il-Mulej sama’ b’hemmek. U hu jkun bniedem bħal ħmar selvaġġ, idu kontra kulħadd, u id kulħadd kontrih, u kontra ħutu kollha jgħammar”.

 

U Ħagar wildet iben lil Abram, u Abram semma t-tifel li wilditlu Ħagar, Ismagħel. U Abram kellu sitta u tmenin sena meta Ħagar wilditlu lil Ismagħel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

jew il-forma l-qasira

 

Ġen 16, 6b-12.15-16

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, Saraj għakksitha lil Ħagar, u din ħarbet minn quddiem għajnejha. U sabha l-anġlu tal-Mulej ħdejn għajn tal-ilma fid-deżert, l-għajn li hemm fit-triq ta’ Sur. U qalilha: “Ħagar, qaddejja ta’ Saraj, mnejn ġejja, u fejn int sejra?”. U hi wieġbet: “Jiena ħrabt minn quddiem sidti Saraj”. U weġibha l-anġlu tal-Mulej: “Erġa’ lura lejn sidtek, u oqgħod għaliha”. U żied jgħidilha l-anġlu tal-Mulej: “Jien inkattar fuq li nkattar lil nislek, u ma jingħaddx għall-kotra”.

 

U kompla jgħidilha l-anġlu tal-Mulej: “Arak, int tqila u tiled iben, u ssejjaħlu Ismagħel. Għax il-Mulej sama’ b’hemmek. U hu jkun bniedem bħal ħmar selvaġġ, idu kontra kulħadd, u id kulħadd kontrih, u kontra ħutu kollha jgħammar”.

 

U Ħagar wildet iben lil Abram, u Abram semma t-tifel li wilditlu Ħagar, Ismagħel. U Abram kellu sitta u tmenin sena meta Ħagar wilditlu lil Ismagħel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 105 (106), 1-2.3-4a.4b-5

 

R/. (1a): Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tieba tiegħu!

Min jista’ jsemmi l-għemejjel kbar tal-Mulej,

jew isemma’ t-tifħir tiegħu kollu? R/.

 

Hieni min jimxi bid-dritt,

min jagħmel dejjem is-sewwa.

Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek. R/.

 

Aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek,

biex nara l-ġid tal-magħżulin tiegħek,

biex nifraħ għall-ferħ ta’ ġensek,

u niftaħar mal-poplu ta’ wirtek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;

u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Id-dar mibnija fuq il-blat u d-dar mibnija fuq ir-ramel.

Mt 7, 21-29

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Mhux kull min jgħidli: “Mulej, Mulej”, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet! F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli: “Mulej, Mulej, mhux f’ismek ħabbarna aħna, u mhux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?”. Imbagħad jien ngħidilhom: “Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!”.

 

Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!”.

 

Ġara li, meta Ġesù temm dan id-diskors, in-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu