Stampa t-test tal-qari ...


It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Ma għandux ikun hemm ġlied bejni u bejnek, għax aħna aħwa.

Ġen 13, 2.5-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

U Abram stagħna ħafna b’imrieħel, fidda u deheb. U Lot ukoll, li kien ġie ma’ Abram, kellu mrieħel, baqar u għerejjex. U l-art ma kinitx tiflaħ għalihom li jgħammru flimkien, għax ġidhom kien kbir u ma setgħux jgħammru flimkien. U kien hemm tilwima bejn ir-rgħajja tal-imrieħel ta’ Abram u bejn ir-rgħajja tal-imrieħel ta’ Lot. U l-Kangħanin u l-Periżżin kienu għadhom jgħammru l-art. U Abram qal lil Lot: “Ma għandux ikun hemm ġlied bejni u bejnek, u bejn ir-rgħajja tiegħi u r-rgħajja tiegħek, għax aħna aħwa. Mhix l-art kollha quddiemek? Tbiegħed minni, nitolbok. Jekk tiġbed lejn ix-xellug, jien immur lejn il-lemin, u jekk tiġbed lejn il-lemin, jien immur lejn ix-xellug”.

 

U Lot rafa’ għajnejh, u ra li l-inħawi kollha madwar il-Ġordan kien kollu raba’ saqwi – qabel ma l-Mulej qered lil Sodoma u ’l Gomorra – bħall-ġnien tal-Mulej u bħall-art tal-Eġittu sa ħdejn Sogħar. U Lot għażel l-inħawi kollha madwar il-Ġordan u telaq lejn il-Lvant; u hekk tbiegħdu minn xulxin. Abram baqa’ jgħammar fl-art ta’ Kangħan u Lot beda jgħammar fl-ibliet tal-wied u waqqaf l-għerejjex sa Sodoma. Imma n-nies ta’ Sodoma kienu ħżiena u midinba ħafna quddiem il-Mulej.

 

U l-Mulej kellem lil Abram wara li Lot kien tbiegħed minnu: “Arfa’ għajnejk u ħares mill-post fejn int qiegħed, lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, lejn il-Lvant u l-Punent; l-art kollha li qiegħed tara, lilek nagħtiha u lil nislek għal dejjem. U nagħmel lil nislek bħat-trab tal-art. Jekk xi ħadd jista’ jgħodd it-trab tal-art, lil nislek ukoll ikun jista’ jgħodd. Qum u aqsam l-art minn tulha u mill-wisa’ tagħha, għax lilek se nagħtiha”. U rafa’ Abram l-għarix u mar jgħammar ħdejn il-balluta ta’ Mamri, li hemm f’Ħebron. U bena hemm artal lill-Mulej.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 14 (15), 2-3ab. 3ċd-4ab. 5

 

R/. (1b): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

 

Min jgħix bla ħtija

u jagħmel it-tajjeb,

min jgħid is-sewwa f’qalbu;

min ma jqassasx bi lsienu. R/.

 

Min ma jagħmilx deni lil ġaru,

u ma jgħajjarx lil għajru;

min ma jistmax lill-bniedem ħażin,

imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.

 

Min jislef u ma jitlobx imgħax,

u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.

Min jagħmel dan

qatt ma jitħarrek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 8, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena d-dawl tad-dinja, jgħid il-Mulej;

min jiġi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.

Mt 7, 6.12-14

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Tagħtux lill-klieb dak li hu qaddis, u tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer li ma jmorrux jgħaffġuhom b’saqajhom u mbagħad iduru għalikom u jqattgħukom bi snienhom.

 

Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti. Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu