Stampa t-test tal-qari ...


Ir-Raba Ġimgħa tal-Għid

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Il-wegħda li Alla kien għamel temmha għalina billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet.

Atti 13, 26-33

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, huwa u jitkellem fis-sinagoga ta’ Antjokja ta’ Pisidja, Pawlu qal: Ħuti, ulied Abraham, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, lilna bagħatha Alla l-aħbar ta’ din is-salvazzjoni. In-nies ta’ Ġerusalemm u l-kapijiet tagħhom ma għarfux lil Ġesù, u anqas ma fehmu kliem il-profeti li jinqraw kull nhar ta’ Sibt; madankollu temmewhom huma stess billi kkundannawh għall-mewt. Għalkemm ma sabux fuqiex setgħu jagħtuh il-mewt, talbu lil Pilatu biex ineħħilu ħajtu.

 

U meta temmew dak kollu li kien miktub fuqu, niżżluh mis-salib u qegħduh f’qabar. Imma Alla qajmu mill-imwiet. Għal ħafna jiem baqa’ jidher lil dawk li kienu jitilgħu miegħu mill-Galilija lejn Ġerusalemm, u li issa huma xhieda tiegħu quddiem il-poplu. U għalhekk aħna qegħdin hawn, biex nagħtukom l-aħbar, li l-wegħda, li Alla kien għamel lil missirijietna, temmha għalina, li aħna wliedhom, billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet, kif hemm miktub fit-tieni salm: “Ibni int, jien illum nissiltek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 2, 6-7.8-9.10-11

 

R/. (7): Ibni int, jien illum nissiltek

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Jien għamiltu s-sultan tiegħi,

fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi”.

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;

hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek. R/.

 

Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek,

u truf l-art bi priża tiegħek.

B’virġa tal-ħadid int tkissirhom,

bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom”. R/.

 

U issa, slaten, ifhmu sewwa;

twiddbu, intom li taħkmu l-art.

Aqdu lill-Mulej bil-biża’,

u bir-rogħda riġlejh busu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.

Ġw 14, 1-6

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Li ma kienx hekk, kont ngħidilkom: “Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu”? U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha”. Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?”. Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu