Stampa t-test tal-qari ...


Is-Seba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Dawk li jħobbu l-għerf, iħobbhom il-Mulej.

Sir 4, 12-22 (gr. 11-19)

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

L-għerf jgħolli lil uliedu,

u jieħu ħsieb dawk li jfittxuh.

Min iħobbu, iħobb il-ħajja,

u dawk li jbakkru għalih jimtlew bl-hena.

Min jieħdu taħt idejh jiret il-glorja,

u kull fejn imur, ibierku l-Mulej.

Dawk li jaqduh, iservu l-Qaddis,

u dawk li jħobbuh, iħobbhom il-Mulej.

Min jisma’ minnu jagħmel ħaqq mill-ġnus,

u min idur lejh jgħix f’daru b’moħħ mistrieħ.

Jekk jafda fl-għerf, jiksbu,

u l-għerf jibqa’ f’idejn nislu.

Għax għall-ewwel jimxi miegħu f’mogħdijiet mgħawġa,

iġib fuqu biża’ u nuqqas ta’ kuraġġ,

jipprova fuqu d-dixxiplina tiegħu sa ma jnissillu l-fiduċja fih,

u jġarrbu bl-ordnijiet tiegħu.

Imbagħad jerġa’ dritt għal għandu u jferrħu,

u jurih il-ħwejjeġ moħbija tiegħu.

Jekk joħroġ mit-triq iħallih waħdu,

u jagħtih f’idejn it-telfien tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 118 (119), 165.168.171.172.174.175

 

R/. (165a): Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek

 

Sliem bil-kotra għal min iħobb il-liġi tiegħek;

ma hemm ebda tfixkil għalihom.

Inħares il-preċetti u l-kmandamenti tiegħek;

quddiem għajnejk l-imġiba tiegħi kollha. R/.

 

Jinfexxu xufftejja fit-tifħir tiegħek,

għax int tgħallimni l-kmandamenti tiegħek.

Ixandar ilsieni l-wegħda tiegħek,

għax kollha ġusti l-kmandamenti tiegħek. R/.

 

Jien nixtieq is-salvazzjoni tiegħek, Mulej;

il-liġi tiegħek hija l-għaxqa tiegħi.

Ħa nibqa’ ħaj, biex infaħħrek!

Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, jgħid il-Mulej.

Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna.

Mk 9, 38-40

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġwanni qal lil Ġesù: Mgħallem, wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu