Stampa t-test tal-qari ...

Għall-Quddies tas-Sibt filgħaxija fittex il-Qari tal-Ħadd minn hawn ...


It-Tielet Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Jiena dnibt kontra l-Mulej!

2 Sam 12, 1-7a.10-17

 

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, 1il-Mulej bagħat lil Natan il-profeta għand David. U mar għandu u qallu: “Kien hemm żewġt irġiel mill-istess belt, wieħed sinjur u l-ieħor fqir. Is-sinjur kellu kotra kbira ta’ nagħaġ u baqar. Il-fqir ma kellu xejn ħlief ħarufa żgħira, li kien xtara. Hu rabbieha, u kibret flimkien miegħu u ma’ wliedu, kienet tiekol millftiet tiegħu, tixrob mill-kus tiegħu, u torqod fi ħdanu; għalih kienet qisha bintu.

 

Darba waħda ġie vjaġġatur għand is-sinjur; dan ma kellux qalb jieħu min-nagħaġ u l-baqar tiegħu biex ilesti l-ikel lill-vjaġġatur li kien wasal għandu. Ħa l-ħarufa ta’ dak l-imsejken raġel, u ħejja l-ikel għal dak li kien ġie għandu”.

 

David xegħel bl-għadab għal dan il-bniedem, u qal lil Natan: “Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, il-bniedem li għamel dan ħaqqu l-mewt. Il-ħarufa jħallas għaliha erba’ darbiet, għax għamel dan u ma kellux ħniena”. Imbagħad Natan qal lil David: “Inti hu dak il-bniedem! U issa dan jgħid il-Mulej: “Ma titwarrab qatt ix-xabla mill-familja tiegħek talli int stmerrejtni, u ħadt lil mart Urija l-Ħitti biex tkun martek”. Dan jgħid il-Mulej: “Arani se naqlagħlek l-inkwiet millfamilja tiegħek stess; neħodlok in-nisa tiegħek minn taħt għajnejk, u nagħtihom lil ħaddieħor, u jimtedd magħhom għad-dawl ta’ din ix-xemx. Int għamilt kollox bil-moħbi, imma jien nagħmlu għad-dawl tax-xemx, quddiem Iżrael kollu”.

 

U David qal lil Natan: “Jiena dnibt kontra l-Mulej!” U Natan wieġbu: “Il-Mulej ukoll ħafirlek dnubek; int ma tmutx; imma billi int b’għemilek stmerrejt il-Mulej, l-iben li jitwelidlek żgur li jmut”. U Natan mar lura lejn daru. U l-Mulej darab it-tifel li wildet lil David mart Urija u marad. U David talab lil Alla għat-tarbija u sam, u mar u għadda l-lejl mixħut fl-art. U qagħdu x-xjuħ ta’ daru ħdejh biex iqajmuh mill-art, iżda hu ma riedx, u ma kiel xejn magħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 12-13.14-15.16-17

 

R/. (12a): Oħloq fija qalb safja, o Alla

 

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

 

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.

 

Eħlisni mill-piena tal-mewt, o Alla,

Alla tas-salvazzjoni tiegħi;

u lsieni jfaħħar il-ġustizzja tiegħek.

Iftaħli xufftejja, Sidi,

u fommi jxandar it-tifħir tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 3, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,

biex kull min jemmen fih ma jintilifx,

iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?

Mk 4, 35-41

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Dakinhar, xħin sar filgħaxija Ġesů qal lid-dixxipli: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra. U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”. Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu