Stampa t-test tal-qari ...


Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli: ikun imbierek isem il-Mulej!

Ġob 1, 6-22

 

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob

 

Ġara darba li wlied Alla resqu quddiem il-Mulej, u fosthom ġie wkoll ix-Xitan. U l-Mulej staqsa lix-Xitan: “Mnejn inti ġej?” Ix-Xitan wieġeb lill-Mulej u qallu: “Minn dawra mad-dinja, kont nitlajja ’l hawn u ’l hemm”. Il-Mulej raġa’ staqsa lix-Xitan: “Il-qaddej tiegħi Ġob ħsibt fih? Ma hawnx ieħor bħalu fid-dinja, raġel perfett u tajjeb, jibża’ minn Alla u mbiegħed mill-ħażen”. Ix-Xitan wieġeb u qal: “Tgħid għal xejn Ġob jibża’ minn Alla? Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru u madwar daru, u madwar kulma għandu kif iddur? Berikt kulma għamlu idejh, u ġidu kotor mal-art kollha kemm hi. Imma midd idek u olqot kulma għandu, u tara jekk jisħtekx f’wiċċek!”. U l-Mulej wieġeb lix-Xitan: “Ara, kulma għandu f’idejk. Biss terfax idek fuqu”. U x-Xitan telaq minn quddiem il-Mulej.

 

Mela darba wlied Ġob, subien u bniet, kienu qegħdin jieklu u jixorbu l-inbid għand ħuhom il-kbir. U ġie għand Ġob messaġġier jgħidlu: “Il-gniedes kienu jaħartu, bil-ħmir jirgħu ħdejhom: qabżu fuqhom is-Sabijin u ħatfuhom, u lill-qaddejja darbuhom b’xifer is-sejf. Bqajt jien waħdi biex ngħarrfek b’dan”. Kien għadu ma waqafx jitkellem dan, meta ġie ieħor jgħidlu: “Niżel nar ta’ Alla mis-sema, ħaraq l-imrieħel u l-qaddejja, u belagħhom. Bqajt jien waħdi biex ngħarrfek b’dan”. Kif kien għadu jitkellem, ġie ieħor jgħidlu: “Il-Kaldin niżlu fi tliet ġemgħat, u nxteħtu fuq l-iġmla u ħatfuhom, u lill-qaddejja darbuhom b’xifer is-sejf. Bqajt jien waħdi biex ngħarrfek b’dan”. Kif kien għadu jitkellem, ġie ieħor jgħidlu: “Uliedek, subien u bniet, kienu qegħdin jieklu u jixorbu l-inbid għand ħuhom il-kbir, u dlonk qam riħ qawwi min-naħa tad-deżert, u ħabat għad-dar min-naħa tal-erba’ kantunieri tagħha u waqgħet fuq iż-żgħażagħ u mietu. Bqajt jien waħdi biex ngħarrfek b’dan”.

 

Imbagħad Ġob qam, ċarrat ħwejġu, qaxxar rasu, niżel wiċċu fl-art u beda jsalli u jgħid:

Għeri ħriġt minn ġuf ommi,

għeri nerġa’ mmur hemm.

Il-Mulej tani, il-Mulej ħadli:

ikun imbierek isem il-Mulej!”

F’dan kollu Ġob ma dinibx u ma qalx dagħwa waħda kontra Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 16 (17), 1.2-3.6-7

 

R/. (6b): Ressaq widintek lejja Mulej, isma’ kliemi

 

Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,

ilqa’ l-għajta tiegħi,

agħti widen għat-talb tiegħi;

bla qerq huma xufftejja. R/.

 

Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija,

għajnejk jaraw is-sewwa.

Jekk qalbi tiflili, jekk billejl iżżurni,

jekk inti ġġarrabni, ma ssib ebda qerq fija. R/.

 

Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;

ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.

Uri t-tieba tiegħek tal-għaġeb;

int li teħles mill-għedewwa

lil min jittama fil-leminija tiegħek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 10, 45

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi,

imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.

Lq 9, 46-50

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, qamet kwistjoni bejn id-dixxipli dwar min kien l-akbar fosthom. Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir”. Qabeż Ġwanni u qallu: “Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna”. Imma Ġesù qallu: “La żżommuhx, għax min mhuwiex kontra tagħkom, huwa magħkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu