Stampa t-test tal-qari ...


Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet.

1 Tess 1, 1-5.8b-10

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

 

Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta’ Tessalonika f’Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem.

 

Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna.

 

Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa; intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom.

 

Il-fidi li għandkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien b’mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn. Huma stess jgħidu x’laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Alla ħaj u veru u tistennew ġej mis-sema lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla li ġejja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 149, 1-2.3-4.5-6a u 9b

 

R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida:

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.

 

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.

 

Bil-glorja jithennew ħbiebu,

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom,

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħażin għalikom, mexxejja għomja.

Mt 23, 13-22

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù beda jitkellem u jgħid: Ħażin għalikom intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom tagħlqu s-Saltna tas-Smewwiet għall-bnedmin, u la intom ma tidħlu fiha u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol!

 

Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! Intom taqsmu l-ibħra u dduru d-dinja kollha biex iddawru bniedem għar-reliġjon tagħkom, u meta tiġbduh għal magħkom tagħmluh bniedem ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnkom!

 

Ħażin għalikom, mexxejja għomja! Intom tgħidu: “Jekk wieħed jaħlef bis-santwarju, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bid-deheb tas-santwarju, ikollu jrodd”. Boloh u għomja! X’inhu l-aqwa? Id-deheb, jew is-santwarju li jqaddes id-deheb?

 

Tgħidu wkoll: “Jekk wieħed jaħlef bl-artal, il-ħalfa ma tgħoddx; imma jekk jaħlef bl-offerta ta’ fuq l-artal, ikollu jrodd”. Ja għomja! X’inhu l-aqwa? L-offerta, jew l-artal li jqaddes l-offerta? Mela min jaħlef bl-artal ikun jaħlef kemm bl-artal u kemm b’li jkun hemm fuqu; u min jaħlef bis-santwarju jkun jaħlef kemm bis-santwarju u kemm b’min jgħammar fih; u min jaħlef fuq is-sema jkun jaħlef kemm bit-tron ta’ Alla u kemm b’dak li hemm fuqu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu